Il-ftehim bejn l-MCAST u l-Malta Union of Teachers ikompli jsaħħaħ l-investiment fil-ħaddiema tas-settur tal-edukazzjoni vokazzjonali
Iffirmat it-tieni ftehim f'din il-leġiżlatura fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport, hekk kif il-maniġers tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) se jibbenefikaw minn kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba permezz ta' ftehim kollettiv ġdid iffirmat bejn l-MCAST u l-Malta Union of Teachers (MUT).
L-iffirmar tal-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Matthew Vella, u tas-Segretarju Permanenti responsabbli mill-People & Standards fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Joyce Cassar flimkien ma' rappreżentanti tal-MCAST u tal-MUT.
Dan il-ftehim, li jkopri l-perjodu bejn Jannar 2025 u Diċembru 2027, jirrappreżenta pass ieħor fit-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-edukazzjoni vokazzjonali, filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-maniġers fit-tmexxija u l-operat tal-MCAST.
Il-ftehim jipprovdi titjib fis-salarji, flimkien ma' allowances ġodda li jirriflettu r-responsabbiltajiet u l-kontribut tal-maniġers fil-ħidma ta' kuljum tal-Kulleġġ. Dawn il-ħaddiema jaqdu diversi funzjonijiet essenzjali, fosthom fit-tmexxija tal-istituti, ir-riċerka, il-loġistika, il-manutenzjoni, ir-riżorsi umani, il-procurement u l-amministrazzjoni.
Fl-istess waqt, il-ftehim jinkludi miżuri li jkomplu jimmodernizzaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol, b'enfasi fuq il-benesseri tal-ħaddiema, il-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata, u ambjent tax-xogħol aktar inklużiv.
Waqt l-iffirmar, il-Ministru Byron Camilleri, saħaq li t-tisħiħ tal-edukazzjoni vokazzjonali f'pajjiżna għandu jimxi id f'id ma' investiment kontinwu fil-ħaddiema li jagħtu sehemhom fit-tmexxija u l-iżvilupp tal-istituzzjonijiet edukattivi.
“Dan huwa t-tieni ftehim kollettiv li qed jiġi ffirmat fi żmien ħames xhur, għaliex għalina huwa importanti li nkomplu nsaħħu d-drittijiet u ntejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi u tal-ħaddiema kollha fis-settur edukattiv. Il-ftehim tal-lum huwa rikonoxximent konkret tal-ħidma u r-responsabbiltajiet tal-maniġers tal-MCAST, li għandhom sehem importanti biex il-Kulleġġ ikompli joffri edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità lill-istudenti tagħna. Permezz ta' kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, qed nagħtu valur lill-kontribut tagħhom u niżguraw ambjent professjonali li jwieġeb aħjar għall-ħtiġijiet tal-lum. Bħala gvern, nemmnu li meta ninvestu fil-ħaddiema tagħna, inkunu qed insaħħu wkoll il-kwalità tal-edukazzjoni li noffru. Għalhekk se nkomplu naħdmu biex kull min jagħti sehmu fis-settur edukattiv ikollu l-kundizzjonijiet u r-rikonoxximent li jixraqlu," qal il-Ministru Camilleri.
Min-naħa tiegħu, il-Prinċipal tal-MCAST, Stephen Vella, saħaq fuq l-importanza li l-ħaddiema jkunu fiċ-ċentru tal-iżvilupp tal-Kulleġġ. “Fl-MCAST nemmnu li l-persuna għandha dejjem tkun fiċ-ċentru ta' dak kollu li nagħmlu. Dan il-ftehim jirrikonoxxi l-ħidma u r-responsabbiltajiet tal-maniġers tagħna u jirrappreżenta pass ieħor fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Biex inkomplu noffru edukazzjoni tal-ogħla kwalità lill-istudenti tagħna, irridu qabelxejn nagħtu valur lin-nies li kuljum jagħtu sehemhom fil-ħidma u l-iżvilupp tal-Kulleġġ," qal il-Prinċipal tal-MCAST, Stephen Vella.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Malta Union of Teachers (MUT), Marco Bonnici, saħaq fuq l-importanza ta' dan il-ftehim għall-ħaddiema li jipprovdu sapport amministrattiv u maniġerjali fi ħdan l-MCAST. “Illum iffirmajna ftehim importanti għall-maniġers tal-MCAST, li għandhom rwol essenzjali fl-istrutturi ta' sapport u fit-tmexxija amministrattiva tal-Kulleġġ. Dan il-ftehim, li se jibda jiġi implimentat fil-ġimgħat li ġejjin, se jwassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fil-pakkett finanzjarju ta' dawn il-ħaddiema, filwaqt li jirrikonoxxi l-kontribut importanti tagħhom għall-operat tal-MCAST," qal Bonnici.
Dan il-ftehim ikompli jibni fuq il-ħidma li saret matul l-2025, meta ġew iffirmati ftehimiet kollettivi għal diversi kategoriji oħra ta' ħaddiema tal-MCAST, fosthom il-letturi. B'hekk, qed ikompli jissaħħaħ il-proċess ta' titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għal aktar ħaddiema fi ħdan il-Kulleġġ.
Il-ftehim jirrifletti wkoll il-kollaborazzjoni kontinwa bejn l-MCAST u l-MUT biex jinħoloq ambjent tax-xogħol aktar stabbli, ġust u modern, li jirrikonoxxi l-professjonalità tal-ħaddiema u l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp tal-edukazzjoni vokazzjonali u teknika f'Malta.