Il-Gvern, fil-ġimgħat li ġejjin, se jniedi konsultazzjoni pubblika dwar l-objettivi għar-reviżjoni tal-politika 'Development Control Design Policy, Guidance and Standards 2015 (DC15)', wara l-avvanz tar-riforma tad-dritt tal-appell fl-ippjanar fil-Parlament. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard waqt l-għeluq tal-National Property Conference 2026.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Attard qal li r-reviżjoni tad-DC15 għandha twassal għal qafas aktar ċar, aktar konsistenti u aktar adattat għar-realtajiet tal-lum u tal-futur, b'enfasi fuq il-kwalità arkitettonika, il-protezzjoni tal-wirt mibni u t-titjib fil-kwalità residenzjali.
“Wara l-pass importanti li għamilna bir-riforma tad-dritt tal-appell, issa ninsabu lesti biex niftħu d-diskussjoni nazzjonali dwar il-futur tad-DC15. Irridu politika li tirrifletti l-prijoritajiet tal-lum u li tqiegħed il-kwalità fil-qalba tal-iżvilupp," sostna l-Ministru Attard.
Il-Ministru għamel referenza wkoll għall-ħtieġa ta' reviżjoni tal-pjanijiet lokali, li tul dawn l-aħħar snin kienu s-suġġett ta' diskussjoni kontinwa. Huwa fakkar li matul is-snin saru wkoll diversi reviżjonijiet parzjali sabiex jiġu indirizzati realtajiet u ħtiġijiet li evolvew maż-żmien.
F'dan il-kuntest, il-Ministru ħabbar li fix-xhur li ġejjin il-Gvern se jkun qed iniedi proċess ta' reviżjoni tal-pjanijiet lokali, imqassam fuq tematiċi differenti, sabiex kull suġġett ikun jista' jiġi indirizzat skont il-karatteristiċi, l-isfidi u l-ħtiġijiet tiegħu.
Huwa spjega li mhux kull żona għandha l-istess karatteristiċi u mhux kull attività għandha l-istess esiġenzi. “Ma nistgħux nibqgħu nittrattaw realtajiet differenti bl-istess kejl. Jeħtieġ approċċ li jirrikonoxxi d-differenzi, jifhem il-ħtiġijiet u jkun kapaċi joffri soluzzjonijiet adegwati għal kull realtà. Dan il-proċess irridu nwettquh permezz ta' djalogu miftuħ, konsultazzjoni u analiżi serja," qal il-Ministru Attard.
Il-Ministru enfasizza li l-isfida għall-pajjiż mhijiex li jagħżel bejn it-tkabbir ekonomiku u l-kwalità tal-ħajja, iżda li jiżgura li t-tnejn jimxu id f'id. Huwa spjega kif ir-reviżjoni tad-DC15 u l-ħidma fuq il-pjanijiet lokali jiffurmaw parti minn viżjoni usa' ta' riforma fis-settur tal-kostruzzjoni u l-ippjanar, li tinkludi wkoll il-Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-liċenzjar tal-operaturi u s-sistema tal-Iskill Cards.
Il-Ministru spjega wkoll kif din il-ħidma tifforma parti integrali mill-Viżjoni Malta 2050, li tqiegħed il-kwalità tal-ħajja, il-kompetittività ekonomika, is-sostenibbiltà u l-benesseri tan-nies fiċ-ċentru tal-iżvilupp tal-pajjiż. Huwa rrimarka li l-istess prinċipji huma riflessi fil-Budget 2027, li jħares lejn settur tal-kostruzzjoni aktar produttiv, teknoloġikament avvanzat u mmexxi minn standards ogħla.
Waqt li tenna l-impenn tal-Gvern għad-djalogu u l-konsultazzjoni mal-imsieħba kollha, il-Ministru saħaq li l-konsultazzjoni ma tfissirx veto u li r-responsabbiltà finali tal-Gvern tibqa' dik li jibbilanċja l-interessi leġittimi kollha u jieħu deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-pajjiż u tal-komunitajiet tiegħu.
Fil-kuntest tal-aħħar żviluppi relatati mas-settur, il-Ministru Attard esprima wkoll tħassib dwar ċerti episodji li seħħew fl-aħħar ġimgħat, fosthom is-sekwestru personali fil-konfront ta' Sindku bħala konsegwenza ta' appell imressaq f'isem Kunsill Lokali, u każ ieħor li ġie eskalat pubblikament u li kien jinvolvi sit ta' kostruzzjoni u residenza privata. Huwa sostna li sitwazzjonijiet bħal dawn ma jgħinux biex tissaħħaħ il-fiduċja fis-settur u lanqas ir-reputazzjoni tal-industrija nnifisha.
“F'sistema moderna u ġusta għandu jiġi rispettat kemm id-dritt ta' persuna li tressaq applikazzjoni għall-iżvilupp kif ukoll id-dritt ta' persuna li tagħmel użu mill-proċessi ta' appell u mir-rimedji li tipprovdi l-liġi. It-tħassib tiegħi mhuwiex biss dwar każ partikolari, iżda dwar il-preċedent li jista' joħloq. Meta din it-tip ta' azzjoni tibda tintuża, hemm riskju reali li oħrajn isegwu l-istess triq u dak li llum huwa każ iżolat għada jsir xejra," qal il-Ministru Attard.
Għalhekk qal li qed ikun ikkunsidrat jekk hemmx lok għal intervent leġiżlattiv ulterjuri biex jiġi żgurat li kull persuna tkun tista' teżerċita d-drittijiet tagħha mingħajr pressjoni, mingħajr intimidazzjoni u mingħajr biża' fis-settur. Dan filwaqt li nnota li, filwaqt li fil-każ inkwistjoni l-Gvern seta' jintervjeni grazzi għal riforma li saħħet il-protezzjoni ta' persuni f'kariga pubblika, fil-kuntest ta' ċittadin privat ma kinitx teżisti l-istess possibbiltà.
Fl-għeluq tal-intervent tiegħu, il-Ministru Attard irrefera għall-Wellbeing Index propost mill-Gvern bħala kejl ġdid tas-suċċess nazzjonali, li jqis mhux biss il-prestazzjoni ekonomika iżda wkoll il-kwalità tal-ħajja, il-benesseri tal-familji, il-komunitajiet u l-ambjent. Huwa sostna li l-istess approċċ għandu jiggwida l-futur tas-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà, fejn is-suċċess għandu jitkejjel mill-kwalità tal-iżvilupp u mill-valur li jinħoloq għan-nies u għall-ġenerazzjonijiet futuri.