• Skola li tkompli twessa’ l-opportunitajiet edukattivi għat-tfal billi tgħaqqad it-tagħlim akkademiku mal-isport minn età żgħira
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, inawgura l-iskola primarja fi ħdan il-Mediterranean College of Sport (MCS), li toffri lit-tfal opportunità biex, sa mill-ewwel snin tal-edukazzjoni tagħhom, jgħaqqdu t-tagħlim akkademiku mal-attività sportiva f’ambjent li jħeġġeġ l-iżvilupp tal-ħiliet u t-talenti tagħhom.
Din l-inawgurazzjoni timmarka pass ieħor fl-iżvilupp tal-Kulleġġ, li fetaħ il-bibien tiegħu fl-2024 u li, wara li beda joffri edukazzjoni fil-livell sekondarju u tas-Sixth Form, estenda l-offerta edukattiva tiegħu għal-livell primarju. Illum, il-Kulleġġ jilqa’ aktar minn 360 student, fosthom 93 fil-primarja, filwaqt li sas-sena skolastika li jmiss il-popolazzjoni studenteska mistennija tilħaq madwar 450 student.
Il-mudell edukattiv tal-iskola primarja jgħaqqad it-tagħlim akkademiku ma’ programm sportiv ta’ kuljum, fejn l-istudenti jipparteċipaw f’sessjonijiet ta’ 45 minuta f’dixxiplini bħall-ġinnastika, l-għawm u l-atletika. Dan l-approċċ jgħin lit-tfal jiżviluppaw il-ħiliet fiżiċi u soċjali tagħhom, filwaqt li jħeġġiġhom jadottaw stil ta’ ħajja attiv u jiskopru t-talenti tagħhom minn età żgħira.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Camilleri saħaq li l-edukazzjoni u l-isport għandhom rwol importanti u kumplimentari fil-formazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ, filwaqt li rrikonoxxa l-kontribut ta’ inizjattivi li joffru opportunitajiet edukattivi differenti lill-istudenti.
“L-edukazzjoni u l-isport mhumiex żewġ dinjiet separati, iżda żewġ elementi li flimkien jgħinu fl-iżvilupp sħiħ tat-tfal tagħna. Fil-klassi l-istudenti jiksbu l-għarfien u l-ħiliet akkademiċi, filwaqt li permezz tal-isport jitgħallmu valuri importanti bħad-dixxiplina, ir-rispett, il-ħidma f’tim u l-perseveranza. Huwa għalhekk li nemmnu fl-importanza li t-tfal jingħataw l-opportunità jiskopru u jiżviluppaw it-talenti tagħhom minn età żgħira. Bħala Gvern, irridu nkomplu nħeġġu sistema edukattiva li toffri għażliet differenti u tagħti lil kull student l-opportunità li jilħaq il-potenzjal tiegħu, kemm fil-qasam akkademiku kif ukoll f’dak sportiv,” qal il-Ministru Camilleri.
Min-naħa tagħha, il-Kap tal-Iskola, Mariuccia Fenech, saħqet fuq l-importanza li t-tagħlim akkademiku u l-isport jingħataw l-istess valur fil-formazzjoni tal-istudenti. “Għalina, u għal dawk kollha li jaħdmu fil-Mediterranean College of Sport, din hija ġurnata importanti ħafna, hekk kif qed ninawguraw uffiċjalment l-iskola primarja tagħna. Fil-Kulleġġ nagħtu importanza kbira kemm lill-aspett akkademiku kif ukoll lil dak sportiv, għaliex nemmnu li dawn iż-żewġ aspetti jimxu id f’id u jikkumplimentaw lil xulxin. Il-viżjoni tagħna hija li permezz ta’ dan il-mudell edukattiv, it-tfal li jattendu l-iskola tagħna jikbru u jiżviluppaw f’adulti reżiljenti, kapaċi jaffaċċjaw l-isfidi u jgħixu ħajjithom fil-milja kollha tagħha,” qalet Fenech.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Mediterranean College of Sport, Charlo Bonnici, spjega kif l-iskola primarja qed tkompli tikber u twessa’ l-offerta edukattiva tal-Kulleġġ. “Illum kellna l-opportunità ninawguraw uffiċjalment l-iskola primarja tagħna, li bdiet topera s-sena li għaddiet b’żewġ klassijiet. Din is-sena żdiedu żewġ klassijiet oħra, filwaqt li l-iskola mistennija tkun kompluta fis-sena skolastika li jmiss. Il-partikolarità ta’ din l-iskola hija li t-tfal jitgħallmu f’ambjent sportiv, fejn minn età żgħira jkollhom l-opportunità jippruvaw u jipprattikaw dixxiplini sportivi differenti. B’differenza mil-livell sekondarju, fejn l-istudenti jispeċjalizzaw f’dixxiplina partikolari, fil-primarja nagħtuhom l-opportunità jesploraw diversi sports, biex lejn tmiem dan il-livell ikunu jistgħu jagħżlu l-isport li l-aktar jinteressahom u jkomplu bl-istudji tagħhom kemm fil-livell sekondarju kif ukoll fis-Sixth Form tal-MCS,” qal Bonnici.
Il-Ministru faħħar l-inizjattiva u l-investiment ta’ Vassallo Group f’dan il-proġett edukattiv, filwaqt li sostna li l-parteċipazzjoni tas-settur privat fl-edukazzjoni u fl-isport tkompli twessa’ l-għażliet disponibbli għall-familji. Huwa rringrazzja wkoll lill-edukaturi u lill-kowċis għall-kontribut tagħhom, mhux biss fit-tagħlim, iżda wkoll fit-trawwim tal-karattru u l-valuri tal-istudenti.
Matul iż-żjara, il-Ministru Camilleri dar diversi faċilitajiet tal-Kulleġġ, fosthom il-Performance Science Centre, il-faċilitajiet sportivi u l-klassijiet tal-iskola primarja, fejn iltaqa’ mal-istudenti u mal-edukaturi. L-inawgurazzjoni ġiet immarkata bil-kxif ta’ plakka kommemorattiva.