gov.mt

pr261879

PR261879

08/11/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-kisbiet akkademiċi u l-kontribut tal-istudenti tal-Junior College fiċ-ċentru taċ-ċerimonja annwali tal-premjijiet

• Il-Ministru jħeġġeġ lill-istudenti biex ikomplu jibnu fuq is-suċċessi tagħhom u jisfruttaw il-potenzjal tagħhom għall-futur
 
Il-kisbiet akkademiċi, it-talenti u l-kontribut tal-istudenti tal-Ġan Franġisk Abela Junior College ġew iċċelebrati waqt iċ-ċerimonja annwali tal-għoti tal-premjijiet għall-2026, fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri. Din iċ-ċerimonja serviet bħala rikonoxximent tal-ħidma, l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ studenti li ddistingwew ruħhom f’oqsma differenti matul il-mixja edukattiva tagħhom.
 
Matul iċ-ċerimonja ġew ippremjati studenti li kisbu riżultati eċċellenti f’diversi suġġetti fil-livell Avvanzat u Intermedju, kif ukoll studenti li spikkaw fil-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-Kulleġġ. Ingħataw ukoll premjijiet speċjali, fosthom il-Premju tal-Prinċipal, il-Premju taċ-Chairperson u l-Premju tar-Rettur, filwaqt li ġew rikonoxxuti kisbiet fl-isport, fil-kultura, fil-kitba kreattiva u fit-tmexxija studenteska. Iċ-ċerimonja tat ukoll ġieħ lil eks student għall-kontribut sinifikanti tiegħu lejn is-soċjetà.
 
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Camilleri feraħ lill-istudenti għall-kisbiet tagħhom, filwaqt li enfasizza li wara kull suċċess hemm sigħat ta’ studju, sagrifiċċji, determinazzjoni u perseveranza. Huwa saħaq li dawn il-premjijiet mhumiex biss rikonoxximent tar-riżultati miksuba, iżda wkoll tal-ħiliet, it-talenti u l-valuri li l-istudenti żviluppaw matul is-snin tagħhom fil-Kulleġġ.
 
“Illejla qed niċċelebraw il-ħidma, l-impenn u s-suċċessi tagħkom. Kull premju jirrappreżenta sigħat ta’ studju, sagrifiċċji u, fuq kollox, id-determinazzjoni tagħkom li tkomplu taħdmu biex tilħqu l-għanijiet li poġġejtu quddiemkom. Iżda s-suċċess ma jitkejjilx biss bil-marki, bil-gradi u biċ-ċertifikati. L-edukazzjoni tagħtina ħafna aktar minn għarfien akkademiku. Tgħallimna naħsbu, nistaqsu, niffaċċjaw l-isfidi u niżviluppaw il-karattru tagħna. Dawn huma l-ħiliet u l-valuri li jibqgħu magħna tul ħajjitna u li jgħinuna nilħqu l-aspirazzjonijiet tagħna. Għalhekk inħeġġiġkom biex ma tibżgħux toħolmu, tkomplu tinvestu fikom infuskom u taħtfu l-opportunitajiet li jiġu quddiemkom. Pajjiżna għandu bżonn l-enerġija, il-ħsieb u l-ideat tagħkom, għaliex il-futur ta’ Malta se tkomplu tibnuh intom,” qal il-Ministru Camilleri.
 
Min-naħa tiegħu, il-Prinċipal tal-Ġan Franġisk Abela Junior College, Paul Xuereb, saħaq fuq l-importanza ta’ din iċ-ċerimonja bħala rikonoxximent tal-ħidma u l-kisbiet tal-istudenti.
 
“Illum kellna ċ-ċerimonja annwali tal-għoti tal-premjijiet, li hija okkażjoni importanti ħafna għall-Kulleġġ tagħna, għaliex permezz tagħha nippremjaw u nirrikonoxxu l-eċċellenza tal-istudenti. Nagħtu rikonoxximent lil dawk l-istudenti li jiddistingwu ruħhom kemm fis-suġġetti akkademiċi kif ukoll fl-attivitajiet differenti li jipparteċipaw fihom,” qal Xuereb.

L-eks student tal-Junior College, Steve Zammit Lupi, li ngħata premju bħala rikonoxximent għall-kontribut sinifikanti tiegħu lejn is-soċjetà, fakkar fl-esperjenza tiegħu bħala student tal-Kulleġġ.
 
“Illejla ngħatajt rikonoxximent permezz tal-Alumni Award, waqt serata mill-isbaħ li ġeddidt fiha ħafna memorji sbieħ taż-żmien meta kont student hawnhekk, 15-il sena ilu. Nista’ ngħid li qattajt fost l-isbaħ sentejn ta’ ħajti f’dan il-Kulleġġ. Kien żmien sabiħ fejn mhux biss timxi ’l quddiem mill-aspett edukattiv, iżda wkoll minn dak soċjali, fejn timmatura, titgħallem mill-esperjenzi, tagħmel ħbieb ġodda u tħejji ruħek għall-ħajja ta’ kuljum,” qal Zammit Lupi.
 
Il-Ministru, li huwa wkoll eks student tal-Junior College, qasam mal-istudenti esperjenzi personali miż-żmien li qatta’ fil-Kulleġġ, filwaqt li fakkar fl-importanza li din l-esperjenza kellha fil-formazzjoni tiegħu. Huwa sostna li, lil hinn mit-tagħlim akkademiku, is-snin tal-Junior College huma opportunità biex iż-żgħażagħ jiżviluppaw il-personalità tagħhom, jibnu ħbiberiji, jiskopru interessi ġodda u jħejju ruħhom għall-istadji li jmiss tal-ħajja.
 
Filwaqt li rrikonoxxa l-kontribut tal-letturi, tal-ġenituri u tal-ħaddiema tal-Kulleġġ fis-suċċessi tal-istudenti, il-Ministru Camilleri ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ikomplu l-mixja edukattiva tagħhom bl-istess impenn u entużjażmu, u biex iħarsu lejn l-isfidi u l-ostakli bħala opportunitajiet biex jitgħallmu u jikbru. Huwa appellalhom biex jużaw l-għarfien u l-ħiliet li kisbu mhux biss għall-iżvilupp personali tagħhom, iżda wkoll biex jagħtu kontribut pożittiv lis-soċjetà, filwaqt li fakkarhom li l-kisbiet li qed jiġu ċċelebrati għandhom ikunu l-bidu ta’ kapitlu ġdid mimli opportunitajiet u aspirazzjonijiet.


​