gov.mt

PR261881

PR261881

09/11/2026

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Arċidjoċesi ta’ Malta biex jissaħħaħ l-għarfien dwar id-dimensja

​​

Kollaborazzjoni biex jiżdied l-għarfien, titnaqqas l-istigma u jissaħħaħ l-appoġġ lill-persuni li jgħixu bid-dimensja u lill-familji tagħhom

L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) u l-Arċidjoċesi ta' Malta ffirmaw Ftehim bil-għan li jkomplu jsaħħu l-għarfien dwar id-dimensja, il-prevenzjoni tagħha u l-appoġġ fil-komunitajiet lokali.

Dan il-ftehim, li ġie ffirmat fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Anzjanità Attiva, Dr Deo Debattista, se jwassal biex id-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja fi ħdan l-AACC jipprovdi taħriġ speċjalizzat lill-kappillani, lill-membri tad-Djakonija, lill-membri tal-kleru, lill-impjegati tal-Arċidjoċesi u lil persuni oħra involuti fil-ħidma pastorali u komunitarja.

It-taħriġ se jiffoka fuq informazzjoni dwar il-kundizzjoni tad-dimensja u tal-impatt tagħha fuq il-persuni u l-familji tagħhom, filwaqt li jipprovdi għarfien prattiku dwar kif wieħed jista' jikkomunika u joffri appoġġ xieraq lil persuni li jgħixu b'din il-kundizzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, saħaq fuq l-importanza li l-għarfien dwar id-dimensja jasal fil-qalba tal-komunitajiet. “Il-memorja tista' tiddgħajjef, iżda d-dinjità tal-bniedem qatt m'għandha tintesa. Dan il-ftehim huwa pass importanti biex inkomplu nibnu komunitajiet aktar inklużivi, fejn il-persuni li jgħixu bid-dimensja u l-familji tagħhom isibu l-fehim, ir-rispett u l-appoġġ li jistħoqqilhom. Il-kura ma għandhiex tieqaf mal-bieb ta' istituzzjoni, iżda għandha tasal fil-komunitajiet tagħna, u dan nistgħu nagħmluh permezz ta' kollaborazzjoni bejn entitajiet differenti," sostna s-Segretarju Parlamentari.

Id-Direttur tal-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali Mons. Dr André Zaffarese qal, “Il-Knisja hi dejjem qrib il-persuni vulnerabbli u l-familji tagħhom. B'dan it-taħriġ speċjalizzat, min jagħti sehmu fil-parroċċi se jkun aktar ippreparat biex jagħraf il-bżonnijiet u jakkumpanja lil dawn il-persuni b'rispett u sensittività".

Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Michael Farrugia stqarr, “Wara kollaborazzjoni ma' numru ta' kunsilli lokali, issa qed nibdew dan il-ftehim mal-knisja għax irridu nestendu aktar l-għarfien dwar il-fażi bikrija meta persuna jibda jgħix bil-kundizzjoni tad-dimensja, u aktar tard, kif ukoll kif dawn il-persuni jkunu appoġġjati huma kif ukoll il-familjari u carers tagħhom."

Il-parroċċi għandhom rwol importanti fil-ħajja tal-komunitajiet Maltin u ħafna drabi jkunu fost l-ewwel punti ta' kuntatt għall-anzjani u l-familji tagħhom. Permezz ta' dan it-taħriġ, persuni involuti fil-ħidma tal-Knisja jkunu jistgħu jagħrfu aħjar sitwazzjonijiet fejn individwi jew familji jkollhom bżonn għajnuna addizzjonali u jiggwidawhom lejn is-servizzi professjonali offruti mill-AACC.

Din il-kollaborazzjoni hija parti mill-ħidma kontinwa biex titnaqqas l-istigma marbuta mad-dimensja u biex jiġi promoss ambjent aktar inklużiv, fejn kull persuna tibqa' tħossha rispettata, milqugħa u appoġġjata fil-komunità tagħha.​

Għal aktar informazzjoni dwar is-servizzi offruti mill-AACC, il-pubbliku jista' jikkuntattja liċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788900 jew iżur is-sit elettroniku aacc.gov.mt.

​