Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela ħabbar li għall-ewwel darba, permezz ta' ftehim bejn VisitMalta u l-Aquatic Sports Association of Malta (ASA), ser naraw investiment finanzjarju jgħin klabbs lokali tal-Waterpolo li ser jikkompetu f'kompetizzjonijiet Ewropej.
F'dawn l-aħħar snin, VisitMalta appoġġat bosta timijiet sportivi lokali li jieħdu sehem f'kompetizzjonijiet uffiċjali permezz ta' inċentiv finanzjarju. Għalhekk, għall-ewwel darba, kull klabb tal-Waterpolo ser ikun qed jingħata inċentiv ta' €10,000 li ser jgħin jittaffa l-piż finanzjarju minn fuq il-klabbs.
It-timijiet lokali li ser jibbenefikaw minn dan l-inċentiv huma San Ġiljan Aquatic Sports Club tal-irġiel u nisa, Sliema Aquatic Sports Club, Neptunes WPSC u Sirens Aquatic Sports Club tan-nisa. It-timijiet imsemmija ser ikollhom il-brand VisitMalta fuq il-kits tagħhom u ser iservu bħala ambaxxaturi sportivi għall-pajjiżna.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif dan l-investiment huwa turija ċara tal-impenn tal-Gvern li jkompli jappoġġja l-isport Malti. “Nemmen bis-sħiħ li l-isport huwa wkoll għodda importanti ta' promozzjoni għal pajjiżna, għaliex permezz tiegħu Malta tkun qed tingħata viżibbiltà internazzjonali u nkunu qed inwasslu l-identità u l-valuri tagħna lil hinn minn xtutna. B'dan il-ftehim, mhux biss qed ngħinu lill-klabbs inaqqsu l-ispejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni tagħhom, iżda qed nagħtuhom ukoll l-opportunità li jkunu ambaxxaturi ta' Malta fl-arena sportiva Ewropea," temm jgħid il-ministru.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Carlo Micallef qal kif “Permezz ta' dawn l-isponsorships, l-MTA qed tkompli turi l-impenn tagħha lejn l-iżvilupp tal-isport Malti u tappoġġa lill-klabbs tal-waterpolo li se jkunu qed jirrappreżentaw lil pajjiżna f'kompetizzjonijiet Ewropej. Permezz tal-preżenza tal-logo VisitMalta fuq il-kits tat-timijiet, qed noħolqu opportunità konkreta sabiex il-marka ta' Malta tilħaq udjenzi internazzjonali u tkompli tippromwovi lil pajjiżna bħala destinazzjoni Mediterranja dinamika, marbuta mal-isport u ma' stil ta' ħajja attiv. Aħna nemmnu li dawn il-klabbs huma ambaxxaturi importanti ta' Malta lil hinn minn xtutna, u għalhekk inħossuna kburin li qed nappoġġjawhom fil-vjaġġ tagħhom fix-xena Ewropea."
Il-President tal-ASA Karl Izzo qal li llum huwa jum storiku għal ASA u klabbs Maltin tal-Waterpolo. “Dan il-ftehim ser jgħin ħafna lill-klabbs li ser jikkompetu f'kompetizzjonijiet Ewropej hekk kif għall-ewwel darba, għandna 5 timijiet li ser ikunu qed jikkompetu f'dan il-livell. Grazzi tal-appoġġ li l-Gvern qed jagħti lil klabbs tagħna u nħares 'il quddiem li fis-snin li ġejjin, ikollna aktar timijiet jikkompetu f'dan il-livell".