AGĦŻEL IT-TIP TA’ LIĊENZJA
Jeżistu kategoriji differenti ta’ liċenzji tas-sewqan li jvarjaw skont id-daqs, it-tip u l-piż tal-vettura li tkun tista’ ssuq. Biex tapplika għal-liċenzja li tgħodd għalik, ara taħt liema kategorija taqa’ l-vettura li għandek jew li se tixtri. Fil-fatt, il-muturi, il-vetturi ż-żgħar, il-vetturi l-kbar, it-trakkijiet, il-karozzi tal-linja u t-tractors kollha jeħtieġu liċenzja apposta għalihom.
Il-liċenzji tas-sewqan jiġu mġedda kull għaxar snin għal dawk is-sewwieqa li għandhom inqas minn 70 sena, jew kull ħames snin għal dawk li għandhom iktar minn 70 sena. Aktar dettalji dwar kif wieħed jista' jġedded il-liċenzja, tinsab hawnhekk.
KIF ISSIB GĦALLIEM TAS-SEWQAN?
Hawnhekk tista’ ssib lista tal-iskejjel tas-sewqan f’Malta, bl-isem u l-indirizz tagħhom, u fejn tista’ tikkuntattjahom.
Qabel ma tiddeċiedi għand min tixtieq tmur tieħu l-lezzjonijiet tas-sewqan tiegħek, aħseb jekk tippreferix instructor raġel jew mara, staqsi kemm iddum kull lezzjoni u jekk joffrux it-tip ta’ karozza li tixtieq int, speċjalment jekk ngħidu aħna beħsiebek issuq karozza automatic.
IL-LEZZJONIJIET TAS-SEWQAN
Wara li tkun għażilt l-iskola tas-sewqan, fil-biċċa l-kbira l-instructors jiftiehmu miegħek post fejn tiltaqgħu l-ewwel darba. Toqgħodx tinkwieta għax għadek tibda; l-għalliema qegħdin proprju biex jispjegawlek kollox mill-bidu nett. F’dawn il-lezzjonijiet jingħatalek it-taħriġ meħtieġ biex tkun tista’ titla’ għat-testijiet, kemm dak miktub kif ukoll dak tal-prattika. Wara kollox, l-iskop tal-lezzjonijiet huwa li ssir sewwieq tajjeb u bil-għaqal.
KIF TAPPLIKA GĦAL PERMESS GĦAL MIN IKUN QED JITGĦALLEM
Qabel ma tapplika għat-Test tal-Prattika, għandek iġġib dak li jissejjaħ permess għal min ikun qed jitgħallem. Jekk għandek iktar minn 18-il sena u tissodisfa r-rekwiżiti, tista’ tapplika għal dan il-permess biex tkun tista’ tipprattika s-sewqan kuljum (minbarra fil-Ħdud u l-festi pubbliċi), sakemm tkun akkumpanjat minn instructor liċenzjat jew trainer approvat li jkollu mill-inqas ħames (5) snin esperjenza fil-kategorija partikolari ta’ tagħlim kif ukoll assigurazzjoni li tkopri lilu u lill-applikant waqt il-perijodu ta’ taħriġ, u lill-eżaminaturi matul it-test. Jekk inti jkollok trainer privat ieħor minbarra l-instructor tal-iskola tas-sewqan li tkun għażilt, japplikaw l-istess rekwiżiti f’termini ta’ esperjenza u kopertura tal-assigurazzjoni.
KIF TAPPLIKA GĦAT-TEST TAT-TEORIJA
It-Test tat-Teorija huwa eżami li fih trid tagħżel ir-risposta t-tajba minn fost għażla ta’ risposti. Inti trid twieġeb mistoqsijiet dwar is-sewqan fuq kompjuter touch-screen. Il-materjal kollu ta’ dan it-test jinsab fil-Kodiċi tat-Traffiku u fis-CD tat-Test tat-Teorija, li tista’ tiksibhom mill-uffiċċji ta’ Transport Malta jew miċ-ċentru tat-Testijiet tat-Teorija fi Gwardamanġa. Tista' ssib il-Kodiċi tat-Traffiku onlajn. Għal aktar dettalji dwar it-test, ikklikkja hawn. Trid tkun għalaqt 18-il sena biex tagħmel dan it-test.
KIF TAPPLIKA GĦAT-TEST TAL-PRATTIKA
Biex tapplika għat-test tal-prattika l-ewwel trid tissodisfa dawn it-tliet rekwiżiti fil-kategorija rispettiva tiegħek:
- Għandu jkollok mill-inqas 18-il sena, skont il-kategorija li applikajt għaliha
- Trid tkun għaddejt mit-test tat-teorija
- Għandu jkollok permess għal min ikun qed jitgħallem
- Trid tkun għamilt il-programm ta’ taħriġ kollu u l-instructor tiegħek ikun mela dik magħrufa bħala Student Record Sheet
Tista’ tapplika għat-test mill-uffiċċji ta’ Transport Malta. Id-data tat-test tingħatalek tliet ġimgħat qabel. Għal-lista sħiħa tar-rekwiżiti, ikklikkja hawn.
Prosit! Għaddejt mit-testijiet tat-Teorija u tal-Prattika! L-Awtorità tat-Trasport toħroġlok Liċenzja tas-Sewqan bi Prova ta’ tliet snin, li meta jiskadu tinbidel f’Liċenzja tas-Sewqan sħiħa. Fil-perjodu ta’ prova ta’ tliet snin, hemm numru ta’ kontravvenzjonijiet stradali soġġetti għal punti ta’ penali. Malli tilħaq it-12-il punt, tittiħidlek il-liċenzja u trid tibda l-proċess kollu mill-bidu. Dan isir biex tiġi żgurata s-sigurtà fit-triq.
Normalment iddum tistenna bejn erba’ u sitt ġimgħat biex isejħulek għat-test tal-prattika, iżda dan il-perijodu jista’ jkun itwal meta jkun hemm domanda kbira.
ĠIBT IL-LIĊENZJA TAS-SEWQAN?Prosit! Għaddejt mit-testijiet tat-Teorija u tal-Prattika! L-Awtorità tat-Trasport toħroġlok Liċenzja tas-Sewqan bi Prova ta’ tliet snin, li meta jiskadu tinbidel f’Liċenzja tas-Sewqan sħiħa. Fil-perjodu ta’ prova ta’ tliet snin, hemm numru ta’ kontravvenzjonijiet stradali soġġetti għal punti ta’ penali. Malli tilħaq it-12-il punt, tittiħidlek il-liċenzja u trid tibda l-proċess kollu mill-bidu. Dan isir biex tiġi żgurata s-sigurtà fit-triq.
Il-Liċenzja tas-Sewqan tkun magħmula minn żewġ dokumenti, jiġifieri l-liċenzja tas-sewqan bir-ritratt u l-kontroparti tal-liċenzja tas-sewqan. Dawn jinkisbu mid-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art fil-Furjana.Il-liċenzja tithallas kull sena u tiġi kkalkulata fuq diversi fatturi. Id-dettalji dwar il-ħlas tal-liċenzji jinsabu
hawn.
TIXTIEQ TIBDEL L-INSTRUCTOR TAS-SEWQAN TIEGĦEK?
Jekk m’intix kuntent/a bit-tagħlim li qed tirċievi, għandek il-libertà li tibdel l-instructor x’ħin tixtieq. Hawnhekk tista’ ssib lista tal-iskejjel tas-sewqan kollha f’Malta.