Il-Proċess tal-Amministrazzjoni Pubblika għat-Tfassil tal-Politika



L-iskop ta' dan il-proċess

Dan il-Proċess għat-Tfassil tal-Politika huwa linja gwida ġenerika għall-Amministrazzjoni Pubblika li tiddeskrivi kif il-partijiet interessati jiġu involuti fit-tfassil tal-politika.  Tippreżenta prassi tajba fl-involviment tal-partijiet konċernati waqt li tippermetti flessibbiltà għal proviżjonijiet leġiżlattivi speċifiċi.  Għalhekk, dan il-proċess jista' jiġi rivedut u rfinat.

L-għan tat-tfassil tal-politika

L-għan ewlieni tat-tfassil tal-politika huwa li jittejjeb il-benessri taċ-ċittadini u n-negozji billi jiġu identifikati l-bżonnijiet tagħhom u sussegwentement jissodisfawhom permezz ta’ azzjonijiet u servizzi xierqa.  Permezz tal-proċess tal-ħolqien, implimentazzjoni, u tisħiħ tal-politika, l-Amministrazzjoni Pubblika isservi ta’ katalist ewlieni fl-iżvilupp soċjoekonomiku tas-soċjetà Maltija.

Ħarsa fuq fuq lejn il-proċess ġenerali tat-tfassil tal-politika

Bħala parti mill-proċess tat-tfassil tal-politika, l-Amministrazzjoni Pubblika tfittex li tkun inklużiva u proattiva billi tilħaq lill-partijiet interessati kollha, inkluż il-pubbliku, fl-istadji kollha ta’ dan il-proċess.  Il-proċess huwa magħmul minn numru ta' passi ġenerali ntiżi biex jipprovdu trasparenza u jispjegaw kif il-partċipanti differenti jistgħu jikkontribwixxu għall-pjan ta' azzjoni.

  1. L-iskattar u l-iffissar tal-aġenda

  2. Il-proċess tat-tfassil tal-politika tipikament jirriżulta mill-viżjoni u l-għanijiet politiċi li huma stabbiliti fil-manifest tal-gvern tal-ġurnata, jew fatturi normattivi li jwasslu għal riżultati mixtieqa jew ta' benefiċċju għas-soċjetà.
    Għaldaqstant, l-aġenda tat-tfassil tal-politika tista’ tinkludi suġġetti jew kwistjonijiet li saru importanti ħafna għas-soċjetà.  L-imsieħba soċjali u l-partijiet konċernati tipikament jimpenjaw rwieħhom mal-gvern biex ipoġġu dawk il-kwistjonijiet li huma jqisu bħala mportanti, jew ta’ tħassib, fuq l-aġenda tal-protagonisti politiċi u l-gvern.

  3. Tfassil, parteċipazzjoni, u adozzjoni ta' politika

  4. Il-parteċipazzjoni, it-trasparenza u n-negozjar politiku huma importanti biex isawru politika li għaliha l-partijiet interessati jħossuhom komdi li jistgħu jieħdu responsabbiltà u jadottaw, u dawk li jfasslu l-politika huma dejjem imħeġġa jiddjalogaw u jsibu modi kif jinkorporaw ideat u suġġerimenti ta’ l-aktar partijiet konċernati.
    Dan jiżgura li l-uffiċjali pubbliċi ifittxu li jlaqqgħu flimkien il-bżonnijiet tal-imsieħba ekonomiċi, soċjali, u settorjali, kif ukoll dawk taċ-ċittadini, mad-dikjarazzjoni pubblika tal-politika u l-għanijiet tal-gvern tal-ġurnata.

  5. Konsultazzjoni pubblika u teħid ta' deċiżjonijiet

  6. Il-mezzi użati għall-konsultazzjoni jinkludu laqgħat mal-partijiet interessati, sottomissjonijiet bil-miktub, u mezzi onlajn.

Il-konsultazzjonijiet onlajn isiru permezz tal-websajt tal-konsultazzjonijiet pubbliċi.  Din hija pjattaforma ddedikata li tintuża biex tħeġġeġ lill-pubbliku ġenerali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, trejdjunjins, negozji, partiti politiċi, istituzzjonijiet governattivi, u l-partijiet interessati l-oħra kollha biex jikkontribwixxu għall-proċess tat-tfassil u l-formulazzjoni tal-politika billi sservi ta’ post ċentrali għall-konsultazzjoni pubblika.

Il-partijiet interessati jistgħu jagħżlu minn lista ta’ ministeri tal-gvern u jabbonaw biex jiġu notifikati meta jsiru disponibbli konsultazzjonijiet li huma ta’ interess għalihom.

Mal-abbonament, l-abbonati jibbenefikaw minn:

  • Notifika immedjata tal-pubblikazzjoni tal-konsultazzjonijiet pubbliċi rilevanti għalihom
  • L-opportunità li jipparteċipaw fil-konsiltazzjoni.

Il-pjattaforma ta’ konsultazzjoni pubblika onlajn hija amministrata mid-Dipartiment tal-Informazzjoni bħala parti mill-mandat tiegħu li jipprovdi lill-pubbliku b’informazzjoni aġġornata, komprensiva u sinifikanti dwar il-politiki, servizzi, u attivitajiet tal-Gvern, u affarijiet li huma ta’ interess pubbliku.

Il-konsultazzjoni pubblika mhijiex maħsuba biex tieħu post ir-responsabbiltà tal-gvern li jiddeċiedi, iżda tippermetti li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet jibbenefika minn firxa wiesgħa ta’ fehmiet filwaqt li tipprovdi tixrid estensiv ta’ informazzjoni dwar kwistjoni partikolari.