Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

Fuq il-Post tax-Xogħol

No

Fuq il-post tax-xogħol

IS-SAĦĦA U S-SIGURTÀ

Huwa tassew importanti li jkollok ambjent sigur kull fejn tkun taħdem. Jista’ jkun li jkollok tilbes elmu iebes jew xi tip ta’ żarbun speċjali fuq il-post tax-xogħol, pereżempju, biex tipproteġi lilek innifsek mir-riskju li tweġġa’.

Biex jiġi żgurat li l-ambjenti tax-xogħol f’Malta jkunu siguri, hemm l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. Din l-Awtorità toħloq regoli relatati mas-saħħa u s-sigurtà u taċċerta ruħha li dawn jiġu implimentati, tippubblika fuljetti b’informazzjoni biex l-ikbar numru possibbli ta’ nies isiru jafu dwar ir-regoli relatati mas-saħħa u s-sigurtà, u tara li l-makkinarju u t-tagħmir ikun sigur, fost ħafna affarijiet oħra. L-Awtorità torganizza wkoll korsijiet u tippubblika kotba dwar is-saħħa u s-sigurtà.

Kun af iktar dwar l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 
hawnhekk.     


X’JIĠRI JEKK INWEĠĠA’ FUQ IX-XOGĦOL?

Fuq il-postijiet tax-xogħol kollha jkun hemm kaxxa għall-ewwel għajnuna u xi ħadd li jista’ jagħti l-ewwel għajnuna. Jekk tkun weġġajt serjament, ċempel għall-ambulanza jew itlob lil xi kollega biex iċempel hu. Jekk ma tkunx tista’ tmur lura għax-xogħol għal ċertu żmien minħabba li tkun weġġajt, tingħata l-permess li tibqa’ d-dar sakemm tfiq. Għal iktar informazzjoni dettaljata dwar il-korrimenti fuq ix-xogħol, ikklikkja 
hawnhekk.


JIEN GĦANDI ĦAFNA STRESS FUQ IX-XOGĦOL. X’GĦANDI NAGĦMEL?

Jekk tħoss li ma tistax tkampa bl-ammont ta’ xogħol li jkollok, jekk il-kollegi qegħdin idejquk ħafna, jekk qed tinduna li spiss qed iċċempel sick, jekk qed issibha diffiċli biex torqod billejl, jekk spiss qed tħoss ħafna rabja jew dwejjaq, jista’ jkun li qed tbati minn stress jew għandek problema ta’ saħħa mentali.

Xi kultant ikun ta’ għajnuna l-fatt li jkollok delizzju, pereżempju li tipprattika xi sport jew tagħmel xi affarijiet tal-artiġjanat biex taljena rasek mix-xogħol meta tasal lura d-dar. Bla ebda dubju, jekk il-kundizzjonijiet fuq ix-xogħol huma stressanti, l-affarijiet ma jissolvewx daqshekk faċilment.

Filwaqt li l-problemi tas-saħħa mentali bħad-dipressjoni u l-ansjetà huma komuni, ħafna minnhom mhumiex qawwija. Dawn sikwit ikunu reazzjoni għal xi sitwazzjoni, bħal problemi fuq ix-xogħol. Jekk tħoss li ma tistax tkampa, kellem lit-tabib tal-familja tiegħek, li ġeneralment ikun jista’ jgħin. Jekk ikun hemm bżonn, huwa jibagħtek għand speċjalista u jista’ wkoll jordnalek xi mediċini.


JIENA VITTMA TA’ FASTIDJU FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL. X’GĦANDI NAGĦMEL?

Jekk inti vittma ta’ fastidju fuq il-post tax-xogħol jew qed tesperjenza xi tip ta’ konflitt, x’aktarx li ma tafx x’għandek tagħmel. Tinkwetax, m’intix waħdek.

Jekk qed tiltaqa’ ma trattament differenti minħabba xi karatteristika partikolari, pereżempju minħabba s-sess jew l-orjentazzjoni sesswali tiegħek, minħabba l-kulur ta’ xagħrek jew tal-ġilda jew minħabba x-xejriet politiċi tiegħek, mela qed issir diskriminazzjoni kontrik, u dan huwa żbaljat.

L-istess jista’ jingħad jekk in-nies fuq il-post tax-xogħol qed iwaqqgħuk għaċ-ċajt jew qed jhedduk bi vjolenza. Dan huwa fastidju. L-impjegati, l-impjegaturi u l-klijenti m’għandhom l-ebda dritt li jiddiskriminaw kontrik minħabba l-età jew is-sess tiegħek jew minħabba diżabilità, u dan la bl-ittri elettroniċi li jibagħtu, la bil-kummenti li jgħaddu u lanqas billi jinjorawk jew ma jagħtukx il-promozzjonijiet li jistħoqqlok.

Jekk ikun possibbli tkellem mal-persuna li tkun il-kawża ta’ dan il-fastidju. Fil-każ li dan ma jkunx possibbli, allura kellem lill-impjegatur tiegħek jew inkella lill-kap tad-Dipartiment tal-HR. Jekk ma tkun tista’ tagħmel l-ebda waħda minn dawn ikkuntattja Assoċjazzjoni tax-Xogħol minn dawn imniżżla hawnhekk
.


Ladarba taċċetta offerta ta’ impjieg inti tidħol fl-hekk imsejjaħ Kuntratt ta’ Servizz. Dan huwa ftehim li permezz tiegħu tiftiehem li taħdem u titħallas għax-xogħol li tagħmel.

Tista’ jew tiffirma l-kuntratt jew tavża lill-impjegatur li tkun aċċettajt l-impjieg. Dan tal-aħħar jissejjaħ Ftehim Verbali u, jekk tagħmel ftehim bħal dan, trid tippreżenta ittra b’ċerta informazzjoni dwarek u dwar l-impjieg tiegħek, pereżempju meta se tibda taħdem, kemm se ddum taħdem u kemm se titħallas. Jekk tikklikkja 
hawnhekk issib iktar informazzjoni dwar meta ssib impjieg ġdid.


IX-XOGĦOL FULL-TIME U PART-TIME F’MALTA -FIEX JIKKONSISTU?

L-impjegaturi jistgħu jagħżlu li jimpjegawk f’tipi ta’ impjiegi differenti. Dan jiddependi minn kemm hemm xogħol li jeħtieġ isir jew għal kemm żmien għandhom bżonn jimpjegawk.

Hawn taħt għandek lista tat-tipi differenti ta’ impjiegi:

   Xogħol full-time permanenti: 
dan huwa xogħol regolari u kontinwu ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa. Inti tkun intitolat/a għal benefiċċji bħal leave mħallas għall-btajjel u għall-mard.

   Xogħol part-time permanenti:
 dan huwa xogħol regolari u kontinwu li jinvolvi inqas sigħat mix-xogħol full-time. Normalment taħdem matul ġranet fissi għal numru fiss ta’ sigħat. Xorta waħda tkun intitolat/a għal benefiċċji bħal leave għall-btajjel u għall-mard. Il-vantaġġ tax-xogħol part-time huwa li tkun iktar flessibbli biex tagħmel xogħlijiet oħra jew tieħu ħsieb il-familja jew tistudja.

   Xogħol każwali:
 dan huwa xogħol kontinwu fejn is-sigħat huma irregolari u titħallas bis-siegħa. Jekk inti ħaddiem/a każwali, taħdem meta jkun meħtieġ; jekk ma taħdimx ma titħallasx. Ma tkunx intitolat/a għal affarijiet bħal leave għall-btajjel jew għall-mard għal dan it-tip ta’ xogħol. Ix-xogħol każwali huwa tajjeb għax jippermettilek tkun flessibbli u tagħmel xogħlijiet oħra, għalkemm mhux dejjem huwa faċli ssib xogħol ta’ dan it-tip, u jista’ jkun li ssibha diffiċli biex issib impjieg.

   Xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom:
 dan ifisser li taħdem għal rasek u b’hekk inti tiddeċiedi x’ħinijiet taħdem u kemm taħdem. Ħafna negozjanti jew nies tas-sengħa jaħdmu għal rashom. Jekk inti taħdem għal rasek tibbenefika minn ċerti benefiċċji fir-rigward tat-taxxa.  

   Impjieg għal perjodu fiss:
 dan l-arranġament jintuża għal proġetti uniċi jew jekk tkun qed tissostitwixxi lil xi ħadd li jkun bil-leave. Ħafna drabi ma tkunx intitolat/a għal benefiċċji bħal leave mħallas għall-mard b’dan it-tip ta’ impjieg.

   Impjieg imħallas bil-commission:
 titħallas skont jekk tilħaqx il-miri tal-bejgħ. Normalment il-commission tkun persentaġġ fuq il-bejgħ li jirnexxilek tagħmel. X’aktarx li xorta waħda tingħata paga bażika iżda ma’ din jiżdied ammont skont il-bejgħ.

   Apprendistati u traineeships: 
dawn huma impjiegi għal perjodu fiss (ġeneralment minn tlieta sa ħames snin) li matulhom titgħallem sengħa ġdida bħal dik ta’ mastrudaxxa jew plumber (bħala apprendist/a) jew impjieg mhux relatat ma’ sengħa, bħal xogħol segretarjali (bħala persuna li tingħata taħriġ). Normalment titħallas ta’ dan ix-xogħol.

   Impjieg bi probation:
 meta tibda taħdem full-time jew part-time dejjem ikollok perjodu ta’ probation li ġeneralment idum minn xahar sa sitt xhur. Matul dan iż-żmien, l-impjegaturi jivvalutaw jekk intix kapaċi tagħmel ix-xogħol tajjeb. Wara dan, l-impjieg tiegħek jiġi kkonfermat bħala part-time permanenti jew full-time permanenti.

   Xogħol imħallas bl-imqietgħa 
(piece work)dan ifisser li titħallas rata għal oġġetti jew kwantità li tipproduċi jew tipproċessa.

   Xogħol volontarju: 
dan huwa xogħol mhux imħallas. Tista’ toffri l-għajnuna tiegħek f’istitut jew għaqda oħra volontarja ta’ fejda. Ix-xogħol volontarju huwa gratifikanti ħafna u permezz tiegħu tkun qed tgħin lill-oħrajn filwaqt li tikseb ħiliet ġodda.


KEMM SE NIBDA NAQLA’ FLUS?

L-impjegatur jistabbilixxi kemm jista’ jħallsek u inti tista’ taċċetta jew tirrifjuta l-offerta li jagħmillek. F’Malta inti protett/a minn paga minima, jiġifieri hemm limitu kemm l-inqas tista’ titħallas, skont kif tkun impjegat u kemm għandek żmien. Biex issir taf ir-rati eżatti għall-pagi minimi, ikklikkja 
hawnhekk.

TAXXA FUQ ID-DĦUL U KONTRIBUZZJONIJIET TAS-SIGURTÀ SOĊJALI
 
Ladarba tidħol f'impjieg, kull persuna tkun soġġetta għal ħlas ta' taxxa fuq id-dħul, u ħlas ta' kontribuzzjonijet tas-sigurtà soċjali. Iktar tagħrif jinkiseb minn hawnhekk.


NISTA’ NAQTA’ FTIT MIX-XOGĦOL?

Dażgur li tista’. Jekk taħdem 40 siegħa fil-ġimgħa, tista’ tieħu 192 siegħa (24 jum) leave mħallsa fis-sena. Xi impjegaturi jħalluk tieħu numru ta’ sigħat off filwaqt li jista’ jkun li fil-każ ta’ impjegaturi oħra jkollok tieħu ġurnata sħiħa off. Jekk ma tiħux il-leave kollu tiegħek jista’ jagħti l-każ li tkun tista’ żżommu għas-snin ta’ wara, iżda dwar dan ikollok titkellem mal-impjegatur tiegħek. 

Tista’ ssib iktar informazzjoni dettaljata dwar it-teħid tal-leave 
hawnhekk.


KEMM‑IL SIEGĦA GĦANDI NAĦDEM?

Jiddependi minn x’tip ta’ impjieg għandek. Normalment m’għandekx taħdem iktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa. L-impjegatur jista’ jitolbok taħdem iktar minn dawn is-sigħat, għalkemm inti mhux bilfors għandek taċċetta. Jekk taċċetta li taħdem iktar, tingħata biżżejjed ħin biex tistrieħ wara x-xogħol. Biex issir taf iktar dwar is-sigħat ta’ xogħol f’Malta, ikklikkja 
hawnhekk.


ALLURA MIN IĦADDEM JISTA’ JĠEGĦELNI NAĦDEM KEMM IRID HU?

Le. Hemm liġi speċjali li tikkontrolla l-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħek. Din tissejjaħ l-Ordni biex jirregola l-Pagi u hija kkontrollata mill-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali. Għalhekk, b’dan il-mod, hemm limitu fuq l-ammont massimu ta’ sigħat li inti f’obbligu li taħdem, l-ammont minimu li titħallas, kemm titħallas għall-overtime, eċċ. 

Ikklikkja 
hawnhekk għal iktar informazzjoni.


X’JIĠRI JEKK XI ĦAĠA TMUR ĦAŻIN FUQ IX-XOGĦOL?

Jekk min iħaddem ma jirrispettax il-kundizzjonijiet tax-xogħol, pereżempju billi ma jħallsekx, tista’ tiftaħ klejm mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg. Dan id-dipartiment imbagħad jinvestiga l-każ tiegħek u jieħu l-passi neċessarji. Jekk tħoss li tkeċċejt mix-xogħol għal raġunijiet inġusti jew saret diskriminazzjoni kontrik, sfajt vittma ta’ fastidju jew ta’ sfruttament, mela jkollok ittella’ l-każ tiegħek quddiem it-Tribunal Industrijali.


KEMM GĦANDI NDUM NAĦDEM LADARBA NKUN NAF LI SE NITLAQ MINN XOGĦLI?

Trid tibqa’ taħdem għal numru ta’ ġimgħat, skont kemm tkun ilek taħdem fil-pożizzjoni li tkun qed tokkupa. Dan jissejjaħ il-perjodu tan-Notice. Għalhekk, jekk tkun ilek inqas minn xahar taħdem, m’għandekx għalfejn tagħti n-notice, u lanqas l-impjegatur m’għandu għalfejn jagħmel dan fil-każ ta’ sensja. 

Għal lista sħiħa tal-perjodi tan-Notice, ikklikkja 
hawnhekk.