No

Bandieri, Simboli u Kif Jintużaw

​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​
​​maltflag.jpg


Il-Bandiera Nazzjonali ta' Malta​
Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tistabbilixxi illi l-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta tikkonsisti f’ żewġ strixxi vertikali ndaqs, bajda ma’ l-arblu u ħamra n-naħa ta’ barra.  Rappreżentazzjoni tal-George Cross, mogħti lil Malta mill-Maestà Tiegħu r-Re George VI fil-15 ta’ April, 1942, imdawra bl-aħmar, tinsab fir-rokna ta’ fuq ta’ l-istrixxa l-bajda b’linja ħamra fir-rokna ta’ fuq ta’ l-istrixxa l-bajda.  Il-wisa’ tal-bandiera huwa ta’ darba u nofs l-għoli tagħha. 







 
L-Emblema ta' Malta
L-Att dwar l-Arma u s-Siġill Pubbliku ta’ Malta (Kap. 253) jiddeskrivi l-emblema ta’ Malta bħala tarka li turi rappreżentazzjoni araldika tal-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta; fuq it-tarka kuruna murali kulur id-deheb b’pusterla u tmien turretti (ħamsa minnhom biss jidhru)  li tirrappreżenta l-fortifikazzjonijiet ta’ Malta u tindika Belt Stat; u madwar it-tarka girlanda magħmula minn żewġ fergħat, fil-lemin tagħha Żebbuġa, fix-xelluq tagħha Palma, simboli ta’ paċi u tradizzjonalment assoċjati ma’ Malta, kollha bil-kulur veru tagħhom u marbutin fit-tarf ta’ isfel b’żigarella bajda fuq quddiem u ħamra fuq wara, li fuqha hemm miktuba l-kliem "Repubblika ta' Malta" b’ittri kapitali suwed.


presflag.jpg



Il-Bandiera Presidenzjali ta' Malta 
Il-Proklama tat-12 ta’ Diċembru, 1988, stabbiliet il-Bandiera Presidenzjali ta’ Malta. Din il-bandiera tittajjar fuq il-bini tar-residenza uffiċjali u uffiċċji tiegħu u f’dawk l-okkażjonijiet kollha fejn huwa jkun preżenti. Għandha l-istess proporzjon daqs il-Bandiera Nazzjonali u tikkonsisti fi sfond ikħal bl-Arma ta’ Malta fin-nofs tagħha; u s-Salib ta’ Malta ta’ lewn id-deheb f’kull rokna.





merchant.jpg


Il-Bandiera Merkantili ta' Malta​​
L-Att dwar il-Bastimenti Merkantili (Kap. 234) stabbilixxa l-Bandiera Merkantili ta’ Malta li tikkonsisti fi sfond aħmar bil-bordura bajda, b’Salib ta’ Malta abjad fin-nofs tagħha.​






isqofflag.jpg



Il-Bandiera użata mill-Arċisqof ta' Malta ​
Il-bandiera li juża l-Arċisqof ta’ Malta tikkonsisti minn żewġ strixxi vertikali ta’ l-istess daqs, l-isfar in-naħa ta’ l-arblu u l-abjad fuq barra. 








afm.gif



Pennant użat mill-Kmandant tal-Forzi Armati ta' Malta​
Il-pennant użat mill-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta jikkonsisti fi sfond aħmar bis-simbolu tal-Forzi Armati lewn id-deheb fin-nofs tiegħu.







police.gif

Il-Pennant użat mill-Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija​​
Il-pennant użat mill-Kummisarju tal-Korp tal-Pulizija jikkonsisti fi sfond ikħal bis-simbolu tal-Korp tal-Pulizija fin-nofs tiegħu.






​​
Hija d-drawwa li l-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta tittajjar biss minn tlugħ sa nżul ix-xemx fuq bini u arbli stazzjonarji fil-beraħ.  Minkejja dan, tista’ tittajjar bil-lejl f’okkażjonijiet speċjali u f’dan il-każ għandha preferibbilment ikollha d-dawl fuqha.

Il-Bandiera Nazzjonali għandha tittella’ bil-ħeffa u titniżżel u b’mod ċerimonjali.

Il-Bandiera Nazzjonali għandha tittajjar ħdejn il-bini prinċipali tal-amministrazzjoni ta’ kull istituzzjoni pubblika, fil-ġranet kollha, meta t-temp jippermetti, speċjalment fil-Festi Nazzjonali,.

​Il-Bandiera Nazzjonali għandha tittajjar matul il-ġranet ta l-iskola, fuq jew ħdejn kull bini ta’ skola u ġewwa jew qrib kull post ta’ votazzjoni fil-ġranet tal-elezzjoni.

Il-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta, meta tinġarr waqt purċissjoni ma’ bandiera jew bnadar oħra, għandha tkun fuq il-lemin tal-fila, jiġifieri, fuq il-lemin tal-Bandiera Nazzjonali stess jew, jekk in fila ma’ bandieri oħra, tkun fuq quddiem tan-nofs ta’ dik il-fila.

Il-Bandiera Nazzjonali, meta tkun imdendla ma’ bandiera oħra ma’ xi ħajt b’arbli msallbin, għandha tkun fuq il-lemin, u l-arblu tagħha għandu jkun imsallab fuq l-arblu tal-bandiera l-oħra.

Ħadd m’għandu jdendel xi bandiera oħra b’mod ugwali, ogħla jew f”pożizzjoni ta’ aktar prominenza jew unur jew flok il-Bandiera Nazzjonali; basta li xejn ma jżomm dak li soltu jsir meta jiddendlu bnadar ta’ organizzazzjonijiet li tagħhom Malta hija membru f’pożizzjonijiet ugwali, ta’ prominenza jew unur ugwali jew superjuri ma’ dik tal-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta; jew li jiddendlu bandieri ta’ pajjiżi oħra f’ f’pożizzjonijiet tal-istess prominenza jew unur ma’ dik tal-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta matul żjarat ta’ Kapijiet ta’ Stat jew Gvern jew meta jsiru laqgħat internazzjonali f’Malta.

Il-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta għandha tkun fin-nofs u fl-ogħla pożizzjoni meta għadd ta’ bandieri jkunu ħdejn xulxin u jittajru mill-arbli.

Meta bandieri jittajru minn arbli ma’ ġenb xulxin, il-Bandiera Nazzjonali għandha tittella’ l-ewwel waħda u titniżżel l-aħħar waħda. L-ebda bandiera jew pennant m’għandha tittajjar ogħla mill-Bandiera Nazzjonali jew fuq il-lemin tagħha.


 
flags1.gif
 
Purċissjoni bil-Bandiera Nazzjonali flimkien ma’ bandiera oħra. ​​ 


flags2.gif
Purċissjoni bil-Bandiera Nazzjonali flimkien ma’ bandieri oħra.​
flags1.gif
 

​Il-Bandiera Nazzjonali ma’ bandiera oħra quddiem ħajt.​​
 

flags1.gif
 

Il-Bandiera Nazzjonali f’nofs u fl-ogħla pożizzjoni fi grupp ta’ bandieri.


Meta bandieri ta’ żewġ nazzjonijiet jew aktar ikunu qegħdin jittajru, dawn għandhom jittajru fuq arbli separati fl-istess għoli. Il-bandieri għandhom ikunu ta’ l-istess daqs.  Il-prattika internazzjonali ma tippermettix li bandiera ta’ nazzjon tittajjar ’il fuq minn dik ta’ nazzjon ieħor.

Meta l-Bandiera Nazzjonali tittajjar minn arblu  għandha tittella’ sal-quċċata ta’ l-arblu, kemm-il darba ma tkunx mezzasta. 

Il-Bandiera Nazzjonali, meta tittajjar mezzasta, għandha tittella’ sal-quċċata għal mument u wara titniżżel bilmod sal-pożizzjoni ta’ mezzasta.  Għandha terġa’ tittella’ sal-quċċata qabel ma titniżżel fi tmiem il-jum. “Mezzasta” tfisser li l-Bandiera Nazzjonali titniżżel sa nofs id-distanza bejn il-quċċata u isfel  ta’ l-arblu.  Jistgħu jitwaħħlu żigarelli tal-crepe ’il fuq mill-bandiera bħala sinjal ta’ luttu. Il-bandieri għandhom jittajru mezzasta fuq bini tal-Gvern  meta joħorġu struzzjonijiet għalhekk mill-Uffiċċju tal-Prijm Ministru.

Meta jesponu l-Bandiera Nazzjonali b’mod ieħor milli tittajjar minn arblu, għandha titqiegħed ċatta, b’dik in-naħa li tittajjar ma’ l-arblu fuq in-naħa tax-xellug ta’ l-udjenza, sew jekk tkun ġewwa kif ukoll barra, jew imdendla b’mod illi t-tinjiet jaqgħu bħalli kieku kienet tittajjar minn ma’ arblu. ​



flags5new.gif
L-ebda bandiera jew pennant ma jistgħu jitqiegħdu f’pożizzjoni ogħla mill-Bandiera Nazzjonali jew fuq il-lemin tagħha.​​


flags6.gif


Il-Bandiera Nazzjonali li tkun esposta ċatta f’postijiet pubbliċi mingħajr arblu 
 
 
flags7.gif 
 
Il-Bandiera Nazzjonali għandha titqiegħed fuq in-naħa tal-lemin tal-kelliem​​
salute.gif
 
Is-Salut ​                                 

Meta tittella’ ma’ arblu f’sala pubblika jew awditorju, il-Bandiera Nazzjonali għandha tokkupa l-pożizzjoni ta’ unur u titqiegħed fuq il-lemin tal-kelliem waqt li jkun iħares lejn l-udjenza. Kull bandiera oħra esposta fuq platform għandha titqiegħed fuq ix-xellug tal-kelliem hekk kif iħares lejn l-udjenza.

Meta l-Bandiera Nazzjonali tintuża biex tgħatti tebut, għandha titqiegħed b’mod li l-George Cross ikun fuq in-naħa tar-ras u fuq l-ispalla x-xellugija.  M’għandhiex titħalla tmiss ma’ l-art, l-anqas titniżżel fil-qabar.


Il-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta m’għandha tiksi l-ebda parti ta’ xi vettura. 

Meta jkun f’Malta l-President għandu jkollu l-Bandiera Personali tiegħu ma’ l-arblu tan-nofs tal-vettura u meta jkun abbord bastiment militari Malti fuq in-naħa tal-lemin tal-bastiment. Meta l-President ikun jivvjaġġa fl-istess vettura ma’ xi ħadd ta’ l-istess grad, il-bandiera tal-Kap ta’ Stat li jkun fuq iż-żjara għandha tingħata l-pożizzjoni ta’ kortesija fuq in-naħa tal-lemin. Meta jkun barra minn Malta, il-President għandu jkollu l-Bandiera Nazzjonali fuq il-lemin u l-Bandiera Personali tiegħu fuq ix-xellug tal-vettura tiegħu.

Il-Prim Ministru għandu jkollu l-Bandiera Nazzjonali ma’ l-arblu tan-nofs tal-vettura tiegħu minbarra meta jkun qed jivvjaġġa fl-istess vettura ma’ xi ħadd ta’ l-istess grad tiegħu; f’dan il-każ il-bandiera tal-Kap tal-Gvern li jkun fuq iż-żjara għandha tingħata l-pożizzjoni ta’ kortesija fuq in-naħa tal-lemin.

Ambaxxaturi barranin akkreditati Malta, organizzazzjonijiet ibbażati f’Malta jew konferenzi li jsiru f’Malta, għandu normalment ikollhom il-bandieri tagħhom fuq in-naħa tax-xellug tal-vettura. Kapijiet ta’ Stat jew Gvern li jkunu fuq żjara għandu normalment ikollhom il-bandieri tagħhom ma’ l-arblu tan-nofs tal-vettura tagħhom, għalkemm xejn m’għandu jżommhom milli jimxu fuq id-drawwiet ta’ pajjiżhom.​

Il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta jistgħu jtajru l-pennants tagħhom mill-arblu tan-nofs tal-vetturi tagħhom. Minbarra kif diġà msemmi aktar qabel, u kif hemm indikat għall-Arċisqof ta’ Malta li jista’ jtajjar il-bandiera tiegħu mill-arblu tan-nofs tal-vettura tiegħu, l-ebda persuna oħra f’Malta ma tista’ ttajjar bandiera jew pennant fuq il-vettura tiegħu.

Biex itajru l-Bandiera Nazzjonali fuq il-vetturi tagħhom, l-Ambaxxaturi Maltin barra minn Malta għandhom jimxu fuq id-drawwiet tal-pajjiż li miegħu jkunu akkreditati


Bastimenti f’ibħra territorjali Maltin għandhom jimxu fuq drawwiet marittimi internazzjonali.

Bastimenti militari Maltin għandu jkollhom il-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta bħala l-ensign  tagħhom.​

Bastimenti ċivili Maltin għandu jkollhom il-Bandiera Merkantili ta’ Malta bħala l-ensign tagħhom.


marine.jpg 
 
​​​Bastimenti militari Maltin għandu jkollhom bandiera kwadra ħamra bil-George Cross fuq sfond kwadru fin-nofs tagħha. F’kull rokna tal-kwadru aħmar għandu jkollha Salib ta’ Malta abjad.​.​ ​







L-Att dwar l-Arma u s-Siġill Pubbliku ta’ Malta (Kap. 253) jistabbilixxi li jkun illegali li xi ħadd ikasbar pubblikament bi kliem, ġesti, kitba, stampata jew le, bi stampi jew b’xi mod ieħor viżibbli jew li b’xi mod iħassar, il-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta jew l-Arma ta’ Malta. Jistabbilixxi wkoll li huwa illegali li żżid f’xi disinn il-Bandiera Nazzjonali, l-Arma jew Armi ta’ qabel ta’ Malta, għal xi għan ikunu xi jkun, mingħajr l-awtorità bil-miktub tal-Prim Ministru, jew mhux skond xi kundizzjoni mogħtija bil-miktub minn xi awtorità.​

Qatt m’għandu jiżdied jew jitwaħħal fuq il-Bandiera Nazzjonali, jew xi parti minnha, xi sinjal, insinja, ittra, kelma, figura, disinn, stampa jew tpinġija ta’ xi ġeneru ieħor.

Barra minn meta bastimenti jkunu qed jimxu fuq drawwiet marittimi internazzjonali, il-Bandiera Nazzjonali m’għandha titbaxxa għal ħadd u xejn. Bandieri reġimentali, bandieri lokali, bandieri ta’ organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet għandhom jitbaxxew bħala sinjal ta’ rispett lejn il-Bandiera Nazzjonali.

Il-Bandiera Nazzjonali qatt m’għandha tittajjar bil-George Cross fuq in-naħa ta’ isfel ħlief bħala sinjal ta’ hemm kbir.

Il-Bandiera Nazzjonali m’għandhiex tintuża biex tgħatti monument jew plakka kommemorattiva f’ċerimonji ta’ kxif. Għandha tkun distintiv li jiġbed l-attenzjoni waqt iċ-ċerimonja u biex jgħattu għandhom jintużaw l-abjad u l-aħmar, mhux fi proporzjonijiet tal-Bandiera Nazzjonali.

Il-Bandiera Nazzjonali m’għandha qatt u bl-ebda mod tintuża għal skopijiet ta’ reklamar. Ma’ l-arblu u mal-ħabel li magħha tittella’ u tittajjar il-Bandiera Nazzjonali m’għandhomx jitwaħħlu  sinjali ta’ reklamar.

Il-Bandiera Nazzjonali m’għandha qatt tintuża bħala panneġġ tkun xi tkun l-għamla tiegħu, qatt ma tinġibed lura, jew ’il fuq, f’tinjiet, iżda dejjem għandha titħalla tittajjar u mitluqa għal riħha.​


Waqt iċ-ċerimonja tat-tlugħ u l-inżul tal-Bandiera Nazzjonali jew meta l-Bandiera Nazzjonali tkun għaddejja f’parata jew sfilata, dawk kollha preżenti għandhom iħarsu lejn il-Bandiera Nazzjonali u joqogħdu dritti. Dawk preżenti libsin l-uniformi għandhom jagħtu s-salut militari. Meta ma jkunux bl-uniformi, l-irġiel għandhom ineħħu l-għata minn fuq rashom. Il-barranin ukoll għandhom joqogħdu dritti. Is-salut lill-Bandiera Nazzjonali waqt l-isfilata għandu jingħata fil-ħin li din tkun għaddejja minn quddiemhom.​​


Kull meta l-Bandiera Nazzjonali tinżeba’ fuq ġenb ta’ bastiment jew ajruplan, in-naħa ta’ ma’ l-arblu għandha titqies dejjem bħala l-pruwa tal-bastiment jew in-naħa ta’ quddiem ta’ l-ajruplan u n-naħa ta’ barra tal-bandiera għandu jħares lejn il-poppa tal-vapur jew in-naħa ta’ wara ta’ l-ajruplan.​​ ​
roundel.gif 
 
 

​Ajruplani militari Maltin għandu jkollhom fuq il-ġwienaħ u fuq il-fuselage marka ċirkulari magħmula minn George Cross imdawwar bl-aħmar f’nofs ċirku abjad ġo ċirku aħmar.​​







flash.jpg



Ajruplani militari Maltin għandu jkollhom rudder jew fin flash magħmul minn żewġ strixxi vertikali ndaqs, waħda bajda u l-oħra ħamra, bil-George Cross fuq l-ewwel terz tal-parti l-bajda fuq quddiem. ​













 ​​

Riferenza​:  Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 517.pdf  - Il-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta (Nru. 15,310) tal-25 ta’ Lulju, 1990 ​
Ara wkoll​: ​OPM No 14_2004.pdf - Ċirkulari tal-UPM Nru 14/2004​ maħruġa fil- 5 ta’ April, 2004​

​​​​​