Id-Dipartiment tal-Informazzjoni għandu l-għan li jipprovdi lill-pubbliku informazzjoni aġġornata, komprensiva u ta’ siwi dwar il-politika, s-servizzi u l-attivitajiet tal-Gvern kif ukoll dwar materji ta’ interess pubbliku.
TAGĦRIF STORIKU
L-ewwel uffiċċju tal-Informazzjoni f’Malta twaqqaf mill-Gvern Ingliż fl-1939. Dan l-uffiċċju kien jaħdem bħala ċ-ċentru ta’ informazzjoni dwar il-gwerra f’Malta sa tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija fl-1945 meta għalaq għal kollox hekk kif ġie xolt il-Ministeru tal-Informazzjoni fir-Renju Unit.
Eventwalment twaqqaf Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi u tliet snin wara ġie amalgamat mal-Uffiċċju Governattiv tat-Turiżmu. Fl-1955 l-uffiċċju tal-informazzjoni reġa tfaċċa bl-isem ta’ Ċentru tal-Informazzjoni u reġa ħa post l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi. Ir-rwol ewlieni tas-C.O.I kien li jiġbor fih is-servizzi ta’ informazzjoni li kienu kibru fi ħdan dipartimenti oħra tal-gvern meta kien għalaq. Sal-1957 kien espanda b’tali mod li kien jimmeritah it-titolu ta’ Dipartiment tal-Informazzjoni u Servizzi Turistiċi. Fi ftit xhur, is-servizzi ta’ informazzjoni kisbu l-indipendenza minn dawk turistiċi u nqatgħu għalihom bħala d-Dipartiment tal-Informazzjoni li nafu llum.
FUNZJONIIJIET TAD-DIPARTIMENT TAL-INFORMAZZJONI
Il-funzjoni ewlenija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni huwa li jippprovdi kollegament bejn il-Gvern u l-pubbliku u jipprovdi dawn is-servizzi:
Servizzi Elettroniċi
Id-Dipartiment jieħu ħsieb il-Malta Government Portal (www.gov.mt), l-Intranet għas-Servizz Pubbliku u l-paġni uffiċjali fuq networks tal-media soċjali.
Servizz Informazzjoni tal-Gvern
Is-Servizz Informazzjoni tal-Gvern jipprovdi lill-membri tal-pubbliku informazzjoni u materjal dwar is-servizzi u l-attivitajiet tal-Gvern. Is-Servizz Informazzjoni tal-Gvern huwa disponibbli permezz tal-e-mail fuq info.doi@gov.mt. Is-Servizz Informazzjoni tal-Gvern jilqa' lill-membri tal-pubbliku li jżuru l-uffiċċju tal-Customer Care f'numru 3, Pjazza Kastilja, il-Belt Valletta, biex jiksbu informazzjoni kif ukoll jiġbru letteratura u dokumenti oħra ppubblikati dwar is-servizzi u l-attivitajiet tal-Gvern. .
Din it-taqsima timmonitorja l-aktar kwistjonijiet reċenti fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u soċjali, kif irrappurtati fil-media stampata lokali. Il-media monitorjata attwalment tikkonsisti fil-ġurnali ta’ kuljum u dawk ta’ kull ġimgħa
Relazzjonijiet mal-Midja
L-organizzazzjonijiet tal-Media ta’ kuljum jirċievu l-istqarrijiet uffiċjali, stedina biex jattendu għal Press coverages, avviżi, materjal fotografiku u informazzjoni oħra permezz ta’ electronic dispatch immedjat. Il-membri tal-media lokali u barranija jingħataw faċilitajiet ta’ akkreditazzjoni, arranġamenti għall-media matul avvenimenti tal-gvern, gwida u assistenza. Isiru wkoll arranġamenti għal rappreżentanti tal-media lokali meta jakkumpanjaw lill-President u l-Prim Ministru ta’ Malta għal żjarat uffiċjali barra minn Malta.
Id-dipartiment jikkoordina wkoll faċilitajiet li jingħataw lill-midja waqt funzjonijiet statali, avvenimenti nazzjonali, l-elezzjonijiet ġenerali u tal-Kunsilli Lokali u avvenimenti oħra.
Servizzi Fotografiċi
Jingħata coverage fotografiku estensiv lill-attivitajiet tal-Gvern kif ukoll lill-avvenimenti nazzjonali. Dawn is-servizzi jassiguraw it-trażmissjoni immedjata ta’ materjal diġitali fotografiku attwali lill-media. .
Arkivji Fotografiċi
L-arkivji fihom kollezzjoni vasta ta’ materjal fotografiku kemm kontemporanju kif ukoll storiku li jmur lura għaż-żminijiet meta d-DOI kien prattikament l-unika organizzazzjoni li kienet tiġbor l-informazzjoni f’Malta. Selezzjoni ta’ ritratti arkivjati jistgħu jintwerew fid-DOI Photo Gallery.
Reġistru tal-Istampa
Id-Dipartiment tal-Informazzjoni ilu mill-1988 responsabbli mir-Reġistru tal-Istampa fejn isir reġistrar ta’ gazzetti, stazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni u jsir aġġornament skont id-dispożizzjonijiet tal-Ligi dwar l-istampa. Fir-Reġistru tal-Istampa, jintbagħtu applikazzjonijiet għal finijiet ta’ reġistrazzjoni minn edituri u pubblikaturi ta’ gazzetti u rivisti, u minn edituri ta’ stazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni; jitħejjew u jinħarġu ċertifikati bil-firma tar-Reġistratur tal-Istampa li jitolbu konferma ta’ status ta’ editur biex ikunu depositati bħala evidenza f’kawżi ta’ libell li jitressqu quddiem il-Qrati.
Pubblikazzjonijiet
Id-dipartiment huwa responsabbli għall-ġbir u l-pubblikazzjoni tal-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta, fil-verżjoni stampata u elettronika tagħha. F’din it-Taqsima jinħoloq materjal stampat u elettroniku ieħor dwar is-servizzi tal-Gvern u dwar materji ta’ interess pubbliku.
Sales Office
Pubblikazzjonijiet mibjugħa mid-DOI jinkludu Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Gvern, il-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta, id-diskorsi tal-Baġit, l-Estimi Finanzjarji u s-Surveys Ekonomiċi, Abbozzi ta’ liġijiet imressqa fil-Parlament, Atti tal-Parlament, Avviżi Legali, rapporti dwar statistika u pubblikazzjonijiet oħra varji. Ritratti li juru firxa wiesgħa ta’ suġġetti bħal laqgħat internazzjonali u konferenzi li jsiru f’Malta, Żjarat Statali u Uffiċjali, Festi Nazzjonali, Wirt Nazzjonali u veduti mill-ajru ta’ Malta huma wkoll għal bejgħ lill-pubbliku, kif ukoll DVDs bi produzzjoni tad-Dipartiment.
Id-dipartiment jipproduċi dokumentarji ta’ interess nazzjonali, bħal dawk dwar il-Poeta Nazzjonali Malti, Dun Karm Psaila, il-Ferrovija ta’ Malta u l-għoti tal-George Cross. Id-dipartiment jipprovdi wkoll materjal awdjo viżiv ta’ diversi okkażjonijiet li jinkludu żjarat uffiċjali f’Malta u avvenimenti statali fost oħrajn. Ir-restawr, id-diġitalizzazzjoni u l-arkivjar ta’ filmati storiċi (16mm) huwa wkoll proċess kontinwu li jsir mid-Dipartiment.