Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

Dr-George-Vella

No

Dr George Vella

PRESIDENT TA' MALTA (2019 - )

Official portait small Size.jpg

Dottor George Vella huwa l-għaxar President tar-Repubblika ta' Malta, permezz ta' Riżoluzzjoni Parlamentari mgħoddija fis-7 ta' Marzu 2019 mill-Parlament. 

Il-President Vella twieled fl-24 ta' April 1942. Ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-iskola Primarja taż-Żejtun, u wara rċieva l-edukazzjoni sekondarja tiegħu mill-Kulleġġ De La Salle fil-Birgu. 

Mill-1957 sal-1964, huwa studja l-Mediċina fl-Università Rjali ta' Malta, u ggradwa bħala Doctor in Medicine and Surgery fl-1964. 

Dottor Vella serva bħala Demonstrator in Physiology and Biochemistry fl-Iskola Medika fl-Università ta' Malta bejn l-1966 u l-1975. Mill-1966 u l-1973 serva bħala Medical Officer fil-Malta Drydocks u bħala Medical Officer tal-Air Malta u Konsulent fl-Aviation Medicine mill-1977 sal-1990.  Fl-1977 ottjena Certificate in General Aviation Medicine mill-College of Aviation Medicine f'Farnborough, ir-Renju Unit.

Dottor Vella serva ta' Speċjalista fil-Family Medicine sa mill-2003. 

Huwa kien elett l-ewwel darba fil-Parlament f'Jannar tal-1978, wara by-election fit-Tielet Distrett. Bejn l-1978 u l-1986 hu kien Membru tal-Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali (CLRAE), u Membru Sostitut tal-Assemblea Parlamentari (Kunsill tal-Ewropa).

Bejn l-1981 u l-1987, huwa kien elett bħala MP għall-Partit Laburista mit-Tielet Distrett, filwaqt li fl-1982 serva ta' Rapporteur għal CLRAE fuq 'Marine Pollution from Maritime Sources'. Minn Jannar sa Mejju 1987, Dottor Vella serva bħala Rappreżentant Permanenti għall-Kunsill tal-Ewropa. 

Wara li serva bħala Membru Parlamentari mal-Partit Laburista bejn l-1992 u l-1996, huwa kien elett bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet Parlamentari għall-Partit Laburista sal-2003, fejn hu kien ukoll Kelliem fuq l-Affarijiet Barranin u Vice-Chairman tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE/Malta. F'April tal-1997, Dr Vella serva bħala President Onorarju tat-tieni Konferenza Ministerjali Ewro-Mediterranea.

Bejn l-1996 u l-1998, Dottor Vella kien maħtur Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Ambjent. 

L-oqsma mediċi, ambjentali, u dawk tar-relazzjonijiet internazzjonali komplew ikunu rwol ċentrali fl-involviment akkademiku u xogħol professjonali tiegħu. 

Tul il-karriera politika tiegħu, Dottor Vella mexxa diversi delegazzjonijiet barra mill-pajjiż, u attenda diversi konferenzi u seminars, fosthom dawk tal-OSCE, Kunsill tal-Ewropa, u l-IPU. Barra minn dan, hu ta diversi diskorsi, l-aktar dwar suġġetti ambjentali u ta' relazzjonijiet internazzjonali fi Strasburgu, Aachen, Tripli, it-Tuneżija, Marsilja, u diversi bliet kapitali madwar id-dinja. 

Qabel in-nominazzjoni tiegħu bħala President tar-Repubblika, Dottor Vella serva ta' Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' Malta (2013-2017). Matul dan iż-żmien, huwa żviluppa u wessa' l-iskop tal-politika barranija ta' Malta billi mexxa delegazzjonijiet ta' livell għoli għal pajjiżi f'kull parti tad-dinja.  Fost l-appuntamenti regolari tiegħu, Dottor Vella rrappreżenta `l Malta fil-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, fejn l-involviment tiegħu fuq kwistjonijiet Ewro-Mediterranji kienu evidenti ħafna.

Minbarra l-pajjiżi ġirien ta' Malta, Dottor Vella firex l-isforzi ta' Malta għal pajjiżi f'żoni oħra ta' interess bħall-Balkani tal-Punent, l-Ewropa Ċentrali, l-Asja, u l-Golf. Bħala persuna li jemmen fil-multilateraliżmu, Dottor Vella kkontribwixxa attivament f'organizzazzjonijiet internazzjonali bħal UfM, 5+5, OSCE, il-Kunsill tal-Ewropa, u n-Nazzjonijiet Uniti, bl-għan li jinkoraġixxi  djalogu u ftehim reċiproku fuq kull front. Matul il-terminu ta' inkariga tiegħu, Dottor Vella kien minn ta' quddiem fl-organizzazzjoni u ppresieda f'laqgħat matul is-Summit UE-Afrika (2015), Konferenza tal-Kapijiet ta' Stat tal-Commonwealth (CHOGM) (2015), kif ukoll matul il-Presidenza ta' Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea minn Jannar sa Ġunju 2017. 

Fl-2018, huwa kien identifikat mis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth bħala wieħed minn tmien 'Eminent Persons' mill-Commonwealth sabiex jipprepara rapport fuq 'Governance of the Commonwealth Secretariat'. 

Dottor George Vella ġie dekorat bħala Kumpann fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu (Malta),

Knight Commander of the Order of St Michael and St George (UK), Gran Croce 'pro Merito Melitense' tal-Ordni Militari Sovran ta' Malta (SMOM), Cavaliere di Gran Croce del'Ordine di Sant'Agata (San Marino), kif ukoll Grand Commandeur de l'Ordre de l'Honneur (Repubblika Ellenika).

Miżżewweġ lil Miriam u għandu tlett itfal: Claire, Elaine, George Jr., u seba' neputijiet.