Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

default

No

Sommarju ta' Governanza

MALTA: l-istat, il-gvern, il-parlament, il-qrati u l-amministrazzjoni pubblika
​​​​​​​​​​​​​​​​​​
ĦARSA FUQ FUQ LEJN IS-SISTEMA AMMINISTRATTIVA F’MALTA

Il-President, il-Prim Ministru u l-Kabinett

Malta hija repubblika li tħaddan is-sisien ta’ sistema demokratika b’separazzjoni tal-poter. Fi kliem ieħor, bħal demokraziji oħra, hemm il-fergħa leġiżlattiva (il-Parlament); dik eżekuttiva (il-kabinett tal-ministri) u l-fergħa ġudizzjarja (il-qrati).

It-tliet friegħi jaħdmu b’mod separat iżda huma interdipendenti.

Il-leġiżlattiv jagħmel il-liġijiet, l-eżekuttiv iwettaq il-liġijiet u l-ġudikatura tħares il-liġijiet. Bħal kull demokrazija oħra f’Malta jeżistu ċ-checks u l-balances bejn dawn it-tliet pilastri. Dan it-tqassim tas-setgħa jsir biex l-ebda parti tal-Gvern ma tispiċċa bla limitu u ssir totalitarja b’mod li tkun ta’ ħsara għad-demokrazija. Din il-firda tal-poter u ċ-checks u balances flimkien mas-saltna tad-dritt (rule of law) tiżgura li quddiem il-liġi, kulħadd jiġi ttrattat l-istess u jingħata l-ħarsien dovut bil-liġi.

Il-Parlament huwa l-fergħa leġiżlattiva tal-Gvern. Kwalunkwe liġi li tgħaddi mill-Parlament tikseb poter leġittimu ladarba tkun approvata u tingħata l-firma mill-President ta’ Malta. S’issa din l-approvazzjoni dejjem tqieset bħala formalità. Hija l-fergħa ġuridika li ħafna drabi titqies bħala l-aktar għodda effiċjenti u effikaċi fuq il-Parlament u/jew il-fergħa eżekuttiva.

L-eżekuttiv huwa magħmul mill-magna tal-Gvern innifisha; ibda mill-Prim Ministru sal-kunsilli lokali. Il-fergħa eżekuttiva hija responsabbli mit-twettiq tal-liġijiet li l-Parlament japprova. Ħidmet l-eżekuttiv hija limitata l-aktar mill-fergħa ġuridika (il-qrati). 

Il-fergħa ġuridika hija pilastru ieħor ta’ setgħa u hija magħmula mis-sistema tal-qrati tal-ġustizzja bil-Qorti Kostituzzjonali fuq nett. L-imħallfin u l-maġistrati sa ftit ilu kienu jinħatru mill-Gvern b’konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni. Illum il-ġurnata, iżda, kull nomina għal Imħallef jew Maġistrat ġdid trid tgħaddi minn taħt idejn kumitat kompost minn rappreżentanti tal-ġudikatura stess, fost l-oħrajn. B’kollox il-fergħa ġuridika għandha 24 imħallef flimkien mal-Prim Imħallef.

Il-President huwa l-Kap tal-Istat, il-Prim Ministru huwa l-kap tal-Gvern u huwa responsabbli għat-tmexxija tal-pajjiż. Prim Ministru jaqdi dmirijietu bl-appoġġ ta’ maġġoranza tal-membri parlamentari. 
Il-President ta’ Malta jinħatar permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Parlament. Il-mandat ta’ President huwa ta’ ħames snin. 

Il-Prim Ministru jinħatar mill-President u jkun dak il-membru parlamentari li, fil-ġudizzju tal-President, l-aktar jista’ jgawdi l-appoġġ ta’ maġġoranza tal-membri parlamentari. 

Il-ministri jinħatru u jingħataw ir-responsabbiltajiet tagħhom mill-President, iżda hawnhekk il-President jimxi fuq il-parir tal-Prim Ministru. Il-President jista’ wkoll, dejjem fuq il-parir tal-Prim Ministru, jaħtar segretarji parlamentari biex jgħinu lil xi Ministri fil-qadi ta’ dmirijiethom. Il-ministri u s-segretarji parlamentari kollha jridu jkunu deputati eletti fil-Parlament, l-istess bħall-Prim Ministru. 

Il-Prim Ministru u l-ministri flimkien jifformaw il-Kabinett. Il-Kabinett normalment jiltaqa’ kull ġimgħa u f’dawn il-laqgħat jittieħdu l-aktar deċiżjonijiet importanti tal-Gvern. Is-segretarji parlamentari jattendu l-Kabinett.  Fost affarijiet oħra, kull liġi li tiġi ppreparata mill-amministrazzjoni trid tiġi approvata mill-Kabinett qabel titressaq quddiem il-Parlament.

Kull ministru inkluż il-Prim Ministru għandu responsabbiltà individwali u kollettiva. Responsabbiltà individwali tfisser li kull ministru għandu jwieġeb fil-Parlament għall-għemil tal-ministeru tiegħu u tad-dipartimenti u l-entitajiet tal-Gvern li jaqgħu taħtu. Responsabbiltà kollettiva tfisser li kull ministru huwa obbligat li jiddefendi deċiżjoni tal-Kabinett ġaladarba ssir pubblika, anki jekk huwa ma qabilx magħha.

Aktar tagħrif:
Prim Ministri ta’ Malta mill-1921 sal-lum 
L-amministrazzjoni pubblika

Kull pajjiż għandu l-amministrazzjoni pubblika tiegħu. Skont kif taħdem u kemm hija effiċjenti, amministrazzjoni pubblika tħalli impatt dirett fuq kemm pajjiż jista’ jikber u jimxi 'l quddiem u fuq il-benessri taċ-ċittadini tieghu. Aktar ma amministrazzjoni pubblika tkun effiċjenti, aktar jintlaħqu l-aspettattivi u l-ħtiġiet tal-pajjiż u aktar tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet.

L-amministrazzjoni pubblika hija komposta mill-ministeri, id-dipartimenti, l-aġenziji u l-entitatjiet l-oħra tal-Gvern. Dawn l-organizzazzjonijiet pubbliċi jagħtu pariri lill-ministri fl-oqsma li jaqgħu fil-kompetenza tagħhom u jwettqu d-deċiżjonijiet tal-Gvern. Uħud minn dawn l-organizzazzjonijiet għandhom rwol indipendenti bħala awtoritajiet regolatorji f’setturi partikolari. 

Il-ministeri u d-dipartimenti tal-Gvern jagħmlu s-Servizz Pubbliku, li jitqies bħala d-dirgħajn amministrattivi tal-Gvern. Taħt il-kappa tas-Servizz Pubbliku jaqgħu wkoll l-awtoritajiet, aġenziji, fondazzjonijiet u kumpaniji kummerċjali li twaqqfu jew huma kkontrollati mill-Gvern. Fl-ogħla saff ta’ tmexxija tas-Servizz Pubbliku hemm is-Segretarju Permanenti Ewlieni jew il-Kap taċ-Ċivil. Wara hemm is-segretarji permanenti, diretturi ġenerali u diretturi.

F’kull ministeru ssib segretarjat tal-ministru u, jekk hemm Segretarju Parlamentari, is-segretarjat tiegħu wkoll. Il-ministeru jinkludi wkoll l-uffiċċju tas-segretarju permanenti, li huwa uffiċjal ta’ karriera fis-Servizz Pubbliku u jiffunzjona bħala l-uffiċjal eżekuttiv ewlieni tal-ministeru taħt id-direzzjoni tal-ministru. Ministeru jista’ jinkludi wkoll diversi uffiċċji permanenti li jipprovdu servizzi lill-pubbliku jew jaqdu funzjonijiet oħra ta’ natura stabbilita. 

Barra mill-ministeri hemm ukoll id-dipartimenti tal-Gvern. Dawn huma organizzazzjonijiet permanenti li jifformaw parti mill-makkinarju amministrattiv tal-Gvern. Il-kap ta’ kull dipartiment jieħu direzzjonijiet mingħand is-segretarju permanenti tal-ministeru li jaqa’ taħtu.

L-impjegati ta’ kull ministeru u dipartiment (barra minn dawk l-impjegati li jiġu ingaġġati mill-ministru fuq bażi ta’ fiduċja) huma parti mis-Servizz Pubbliku u jissejħu uffiċjali pubbliċi (public officers). Bħala parti mis-Servizz Pubbliku, dawn l-uffiċjali ma jitilfux l-impjieg tagħhom jekk jinbidel il-Gvern iżda mill-banda l-oħra huma obbligati li jservu fedelment taħt kwalunkwe gvern elett. 

Is-Servizz Pubbliku jiġbor fih bejn wieħed u ieħor żewġ terzi tal-impjegati kollha fl-amministrazzjoni pubblika. Il-bqija tal-amministrazzjoni pubblika tikkonsisti f’dawn l-entitajiet:

awtoritajiet regolatorji u entitajiet oħra mwaqqfa bil-liġi 
aġenziji mwaqqfa taħt l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika 
fondazzjonijiet tal-Gvern
kumpaniji tal-Gvern 

Aktar tagħrif:
Il-Parlament u l-elezzjonijiet 

Il-Parlament f’Malta huwa magħmul minn kamra waħda (il-Kamra tad-Deputati), b’kuntrast ma’ ħafna pajjiżi kbar li għandhom parlament ta’ żewġ livelli. Il-Parlament jista’ jdum jiltaqa’ sa massimu ta’ ħames snin qabel ma jxolji biex issir elezzjoni ġenerali.

Il-membri tal-Parlament jiġu eletti minn tlettax-il distrett, b’kull distrett itella’ ħames deputati. Mal-65 membri eletti direttament b’dal-mod jistgħu jiżdiedu xi membri oħra skont kif tipprovdi l-Kostituzzjoni ta’ Malta biex tiġi mħarsa l-proporzjonalità ta’ rappreżentanza politika skont il-voti miksuba minn kull partit politiku.

L-elezzjonijiet ġenerali jsiru fuq bażi ta’ rappreżentanza proporzjonali permezz ta’ vot wieħed trasferibbli (single transferable vote). B’din is-sistema, kull votant jista’ jindika l-preferenzi fost il-kandidati fid-distrett tiegħu u l-vot jista’ jintiret mill-kandidati skont il-preferenzi tal-votant. Din is-sistema twassal għal riżultat elettorali li jkun aktar rappreżentattiv minn sistema fejn kull votant jivvota għal kandidat wieħed biss. F’sistema bħal din, jekk ikun hemm aktar minn żewġ kandidati f’distrett ikun jista’ jiġi elett kandidat b’minoranza tal-voti u l-bqija tal-voti jintilfu.

Aktar tagħrif:
Il-ġudikatura u istituzzjonijiet oħra indipendenti tal-Istat

Id-demokrazija Maltija ma tistrieħx biss fuq il-Parlament u l-elezzjonijiet ġenerali, iżda anki fuq istituzzjonijiet indipendenti li jħarsu d-drittijiet tan-nies. Il-Kostituzzjoni ta’ Malta fiha sensiela ta’ dispożizzjonijiet li jelenkaw id-drittijiet fundamentali tal-individwu. Individwu li jħoss li d-drittijiet tiegħu nkisru jew qed jiġu mhedda jista’ jfittex rimedju fil-qrati. L-istess Kostituzzjoni tissalvagwardja l-indipendenza tal-qrati billi tistipula li mħallef jew maġistrat jista’ jitneħħa mill-kariga tiegħu biss bil-vot ta’ mhux anqas minn żewġ terzi tal-membri parlamentari, u dan minħabba inkapaċità jew imġiba ħażina bil-provi min-naħa tal-imħallef jew il-maġistrat. 

Barra mill-qrati hemm istituzzjonijiet oħra indipendenti li jħarsu d-drittijiet tal-individwi jew jissorveljaw il-kondotta tal-Gvern. Dawn jinkludu: 
il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, li tħares il-prinċipju tal-mertu fis-Servizz Pubbliku; 
l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika​, li jindaga dwar l-użu ta’ riżorsi pubbliċi; u 
l-Ombudsman, li jisma’ u jinvestiga lmenti dwar malamministrazzjoni

L-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u d-Deputat Awditur Ġenerali huma meqjusa bħala uffiċjali tal-Parlament. Jinħatru b’riżoluzzjoni tal-Parlament li trid tkun appoġġjata minn żewġ terzi jew aktar tal-membri parlamentari.  

Il-gvern lokali

Malta għandha sistema ta’ gvern lokali li ġiet introdotta bl-Att dwar il-Kunsilli Lokali. Din il-liġi waqqfet 67 kunsill lokali għalkemm aktar tard żdiedu b’wieħed u llum hemm 68 kunsill – 54 f’Malta u 14 f’Għawdex.  

Il-kunsilli jvarjaw minn ħames sa tlettax-il kunsillier; skont id-daqs ta’ kull lokalità. Dan in-numru jinkludi s-sindku u l-viċi sindku. Kull kunsill għandu wkoll segretarju eżekuttiv u numru ta’ impjegati oħra skont id-daqs tiegħu.

Inizjalment kull kunsill kien jiġi elett għal perjodu ta’ tliet snin iżda bis-saħħa ta’ riformi li seħħew fl-2015 dan il-perjodu żdied għal ħames snin. 

L-irwol ta’ kull kunsill hu fost affarijiet oħra li jżomm fi stat tajjeb l-ambjent tal-lokal kif ukoll ġonna pubbliċi u faċilitajiet lokali oħra, u jieħu ħsieb il-ġbir tal-iskart domestiku. Kunsilli jorganizzaw ukoll diversi attivitajiet għan-nies tal-lokal. Għandhom rwol konsultattiv dwar l-għoti ta’ permessi ta’ żvilupp, skemi ta’ ppjanar, u arranġamenti tat-traffiku fil-lokal. Fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom il-kunsilli għandhom is-setgħa li jagħmlu bye-laws jew regolamenti. 

Is-sistema ta’ gvern lokali f’Malta tinkludi wkoll ħames kumitati reġjonali. Kull kumitat reġjonali huwa magħmul minn rappreżentanti tal-kunsilli lokali f’dak ir-reġjun u jservi bħala mekkaniżmu biex il-kunsilli jikkollaboraw bejniethom. Il-kumitati reġjonali għandhom ukoll rwol fl-inforzar ta’ liġijiet u bye-laws.

Aktar tagħrif: