Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

Fejn Tmur toqghod Malta jew Ghawdex

No

Fejn Tmur toqgħod: Malta jew Għawdex?

L-Aqwa Post

Il-Gżejjer Maltin qed isiru post mill-aqwa għax-xerrejja barranin li jixtiequ jgawdu t-temp idilliku li l-gżejjer huma mogħnija bih tul il-biċċa l-kbira tas-sena. Huwa wkoll ideali għal dawk li jixtiequ japprofittaw mill-opportunitajiet eċċellenti ta' investiment li jinkludu binjiet ġodda kif ukoll djar 'tradizzjonali'.

Il-fatt li l-Ingliż huwa mitkellem mill-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni huwa wkoll benefiċċju ieħor għall-barranin u dan, flimkien mal-istil ta' ħajja ġeneralment rilassata, huwa fattur li jiġbed ħafna lil dawk li jixtiequ jmorru jgħixu f'art ġdida.

Ovvjament, kemm Malta kif ukoll Għawdex għandhom il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom. It-tnejn għandhom postijiet sbieħ li tista' tesplora, fejn tista’ tgħum jew tiskopri siti storiċi mill-isbaħ. Il-ħajja f'Għawdex tabilħaqq hija iktar kajmana milli f'Malta għal għadd ta' raġunijiet, inkluż il-fatt ovvju li l-gżira hija iżgħar u m'għandhiex popolazzjoni kbira bħal Malta. Il-biċċa l-kbira tan-negozji kbar huma bbażati f'Malta. Malta żviluppat ukoll bħala hub kummerċjali - speċjalment għas-servizzi finanzjarji, l-iGaming, l-iżvilupp ta' softwer u anke l-kirurġija kożmetika - aġevolata mill-ħelsien mit-taxxa għal individwi b’valur nett għoli. Fil-fatt, ħafna Għawdxin jivvjaġġaw kuljum lejn Malta għax-xogħol.
 
Jekk m'intix deċiż/a f'liema gżira tixtieq tmur toqgħod, għaliex ma tqattax ftit ħin fuq iż-żewġ gżejjer biex tara int stess fejn tħossok l-aktar komdu/a? Ikun xi jkun dak li tiddeċiedi, tista’ faċilment taqsam minn gżira għal oħra permezz ta' servizz frekwenti tal-lanċa li jaħdem ukoll b'sistema kontinwa matul perjodi aktar bieżla bħas-sajf, il-Karnival u l-Għid. 
Biex ngħinuk tiddeċiedi fejn tmur toqgħod, hawnhekk tista’ ssib xi informazzjoni dwar Malta u Għawdex:

Malta

Il-Ħajja f'Malta

"Malta hija l-aħjar post fejn jistgħu jgħixu fih in-nies barranin." Dan ġie rrapportat mill-International Living Magazine, abbażi tal-kwalità tal-ħajja li jista’ jkollok hawnhekk grazzi għall-klima tagħha, il-livell ta' sigurtà, ir-rata fissa tat-taxxa ta' 15%, il-kura tas-saħħa eċċellenti u l-veduti tal-baħar.
Sew jekk qed tfittex biex toqgħod f'raħal kwiet ħdejn il-baħar u sew jekk tippreferi tkun viċin il-ħwienet fil-qalba tal-attività, Malta hija l-post ideali għal xi ħadd li huwa ħerqan li jgawdi temp sabiħ, ikel bnin u ħajja pjuttost rilassata.

Billi l-pajjiż huwa tant żgħir, qatt ma tkun 'il bogħod wisq minn xi lokalità. In-nies lokali sikwit jiċċajtaw li kulma trid qiegħed biss massimu ta' 20 minuta 'l bogħod.

Il-Maltin huma magħrufin bħala nies amikevoli u ta' qalbhom tajba u ħafna drabi ssib li lesti jiskomodawhom ruħhom biex jgħinuk jekk ikunu jistgħu. Malta hija wkoll ideali għat-trobbija tat-tfal, u persuni tal-etajiet kollha jsibuha faċli jkollhom ħajja soċjali mżewqa.

Malta għandha wkoll standard ta’ edukazzjoni għoli ħafna. 

Il-Lokalitajiet l-Aktar Popolari għall-Proprjetà

Tas-Sliema hija lokalità popolari fost it-turisti u r-residenti li jħobbu jkunu fil-qalba tal-attività. Din il-belt bieżla tiftaħar b'varjetà wiesgħa ta' ristoranti, kafetteriji, pubs, clubs u lukandi. Probabbilment hija l-aħjar lokalità għax-xiri tal-ħwejjeġ u qatt mhu se tkun 'il bogħod wisq minn xi supermarket, ħanut tal-ħaxix jew tal-merċa.

Madwar mil 'il bogħod hemm il-lokalitajiet viċin il-baħar ta' Wied il-Għajn u Marsaxlokk b'veduti sbieħ tal-baħar. Marsaxlokk huwa magħruf sew għas-suq tal-ħut u fil-fatt wieħed jista’ jsib uħud mill-aqwa ristoranti li jispeċjalizzaw fil-ħut fil-gżira.

Għażliet popolari oħrajn jinkludu l-Mellieħa fit-Tramuntana, li għandu bajjiet sbieħ ta’ ramel u blat, u anke bliet u rħula fil-parti ċentrali sal-Grigal tal-gżira.
 
Divertiment

Il-Maltin iħobbu d-divertiment għalhekk aktarx li dejjem se ssib xi ħaġa li togħġbok. Hemm lista bla tmiem ta' avvenimenti iżda dawk ewlenin fix-xena lokali tad-divertiment jinkludu l-festi li jibdew mill-ewwel Ħadd wara l-Għid u jkomplu sejrin matul is-sajf.

Paceville hija l-lokalità Maltija fejn issib il-clubs u l-bars u fejn tista' tqatta' l-lejl kollu barra jew tiżfen sas-sigħat bikrin tal-ġurnata. L-Isle of MTV sar ukoll avveniment annwali popolari u stars bħal Lady Gaga, The Black Eyed Peas u The Scissor Scissors ġew idoqqu f'din il-gżira żgħira.

Għal dawk li qed ifittxu lejla aktar rilassata, hemm varjetà ta' wine bars f'diversi lokalitajiet madwar il-gżira, notevolment fil-Belt Valletta, il-Birgu u Tas-Sliema kif ukoll għadd ta' kafetteriji u ristoranti mill-isbaħ ħdejn il-baħar f'żoni bħal Għajn Tuffieħa u l-Mellieħa.

Il-pajjiż għandu xena teatrali rikka u t-teatru nazzjonali, it-Teatru Manoel, għandu programm varjat li jinkludi spettakli fantastiċi minn artisti kemm lokali u internazzjonali.

F'Malta saru popolari wkoll il-festivals fit-triq u eluf ta' nies jinġabru fil-belt kapitali għal avvenimenti bħan-Notte Bianca, Science in the City u l-Malta Arts Festival. Festivals popolari oħrajn li jsiru barra jinkludu l-festival tal-ħobż f'Ħal Qormi, il-festa taż-żebbuġ f'Ħaż-Żebbuġ u l-festival tal-frawli fl-Imġarr.

Għawdex

Il-Ħajja f'Għawdex

Għawdex huwa t-tieni l-akbar gżira fl-arċipelagu Malti. Din il-gżira għandha firxa ta' 67km2, għandha popolazzjoni ta' madwar 31,000 u għaldaqstant hija inqas żviluppata u popolata inqas densament minn Malta. Meta mqabbla ma' Malta, hija aktar rurali u magħrufa għall-għoljiet pittoreski tagħha li ta’ spiss jissemmew fil-poeżija lokali, fil-letteratura u anke fl-istemma araldika tal-gżira.

Għal dawk li jħobbu l-kampanja, hemm bosta passiġġati pjaċevoli b'veduti sbieħ x’wieħed jista’ jagħmel madwar il-gżira. Tista' tagħżel bejn passiġġata faċli jew inkella nħawi inqas imwittija għall-hiking.

Għawdex huwa popolari biex wieħed imur iqatta’ tmiem il-ġimgħa hemmhekk għall-mistrieħ - hemm bosta farmhouses idilliċi disponibbli għal kirjiet qosra kif ukoll varjetà tajba ta' lukandi. Huwa popolari wkoll għall-irtirar u, għal dawk li jaffordjaw, anke bħala t-tieni dar jew villeġġatura.

Xi nies jgħidu li, billi d-dimensjonijiet ta’ din il-gżira huma biss disa' mili b’ħames mili, kulħadd jaf lil kulħadd u kultant dan jista' jkun xi ftit klawstrofobiku. Madankollu, wieħed mill-vantaġġi li toqgħod Għawdex huwa li tista' tagħżel jekk ikollokx ħajja soċjali attiva jew inkella tgħixx ħajja iktar riżervata. Jekk tagħżel ħajja solitarja, in-nies huma kapaċi jirrispettaw il-ħtieġa ta’ privatezza tiegħek.
Il-Lokalitajiet l-Aktar Popolari għall-Proprjetà

Tlieta mil-lokalitajiet l-aktar popolari f'Għawdex huma Marsalforn, ix-Xlendi u l-belt kapitali msejħa r-Rabat jew Victoria. L-istess bħal f'Malta, dawk li jfittxu l-proprjetà għandhom għażla wiesgħa ta' djar, u jistgħu jagħżlu minn fost farmhouses rinnovati moħbija fi rkejjen kwieti tal-gżira u għadd ta' proprjetajiet ġodda u moderni mgħammra sew, b’veduti meraviljużi tal-gżira.
 
Divertiment

Ovvjament, għalkemm il-ħajja f'Għawdex tista' timxi aktar bil-mod u hija aktar rilassata, mhijiex tedjanti u sikwit ikun hemm wirjiet tal-arti, kunċerti klassiċi u kunċerti tal-mużika f'diversi lokalitajiet madwar il-gżira. U fejn insemmu l-mużika, ma nistgħux ninsew li Għawdex huwa sinonimu mal-opra. Il-gżira għandha żewġ swali tal-opri - prattikament faċċata ta' xulxin –  li saru magħrufa sew għall-kunċerti tal-opra grandjużi tagħhom fejn artisti ewlenin taw l-ispettakli tagħhom, inkluż Joseph Calleja, it-tenur Malti magħruf fuq livell internazzjonali.

Għal dawk li huma aktar avventurużi, Għawdex qed isir post popolari għal dawk li jħobbu l-għadis u l-isports akkwatiku. Fil-fatt kemm Malta u Għawdex jingħataw regolarment klassifikazzjoni għolja għall-għadis.

Hemm tmien skejjel tal-għadis f'Għawdex u l-għaddasa jieħdu gost jaraw l-attrazzjonijiet ta' taħt l-ilma bħall-għerien, il-formazzjonijiet tal-blat u fdalijiet ta’ vapuri.

L-opportunità tal-għadis hija miftuħa għal persuni b’kull livell ta' esperjenza, minn dawk li jippruvaw għall-ewwel darba għal għaddasa professjonisti.​