No

Trasport

K​if tmur minn post għall-ieħor f'Malta

Trasport pubbliku

It-trasport pubbliku f'Malta jikkonsisti fi grupp ta' karozzi tal-linja mħaddma mill-Malta Public Transport. Il-karozzi tal-linja għandhom l-arja kkundizzjonata u joperaw fuq ir-rotot ewlenin kollha.

Għal aktar informazzjoni dwar it-trasport pubbliku f'Malta jekk jogħġbok ikklikkja hawn​

Taxis

Hemm servizz ta' taxis bojod f'Malta li tista’ taqbadhom minn kull fejn trid ħlief minn fuq waqfa tal-karozza tal-linja.

Jopera wkoll servizz speċjali tat-taxis mill-ajruport 24 siegħa kuljum. Tista' ssib aktar informazzjoni haw​n​.

Parir żgħir: dejjem aħjar tiftiehem ir-rata qabel ma tibda l-vjaġġ tiegħek.

Xufiera

Jekk tixtieq tgawdi xi ftit, għaliex ma tikrix karozza misjuqa minn xufier? Jekk tassew tixtieq tagħmel l-affarijiet bil-kbir agħżel 1946 Chrysler Windsor klassika jew forsi karozza konvertibbli Rolls Royce Corniche. Ikklikkja hawn għal aktar informazzjoni.

Kiri ta' karozzi u kowċis

Jekk tassew tixtieq tivvjaġġa fil-partijiet l-aktar remoti tal-gżira, tkun idea tajba li tikri karozza. Is-sinjali tat-toroq huma fil-biċċa l-kbira bl-Ingliż u n-nies isuqu fuq ix-xellug f'Malta. Tista' ssib id-ditti internazzjonali ewlenin u kumpaniji lokali tal-kiri ta' karozzi kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex, u tista' tikri karozza b’rata ta’ bejn €16 u €28 kuljum. Tkun tista' tuża liċenzja tas-sewqan internazzjonali u/jew nazzjonali.

Jekk ma tixtieqx issuq int stess hemm ukoll għadd ta' kumpaniji li joffru karozzi, minivans u kowċis misjuqa minn xufier.

Tista' ssib lista ta' kumpaniji tal-kiri ta' karozzi hawn.

Ċikliżmu

Il-pajsaġġ varjat ta' Malta joffri opportunitajiet uniċi għaċ-ċiklisti. Il-pajsaġġ ivarja minn veduti tal-baħar u bajjiet bir-ramel għal bajjiet bil-blat, għoljiet baxxi, ħitan tas-sejjieħ tipiċi tal-Mediterran u veduti tal-kampanja. Tkun tista' ssib ukoll għadd sew ta' ħwienet li jbigħu apparat għaċ-ċikliżmu u għall-isports mal-gżira kollha.

Iċ-ċikliżmu fil-gżejjer Maltin kemm bħala mogħdija taż-żmien kif ukoll għall-benesseri qed isir aktar popolari u dan l-aħħar ġew introdotti xi korsiji għaċ-ċiklisti.

Għal informazzjoni dwar iċ-ċikliżmu f'Malta, inklużi ideat dwar rotot li tista’ tieħu, mapep, direzzjonijiet, postijiet ta' interess u informazzjoni ġenerali utli, idħol hawn​.

Tista' ssib lista ta' kumpaniji tal-kiri ta' roti hawn.

Vapuri u taxis tal-ilma

Għawdex

Hemm servizz regolari tal-vapur li jitlaq miċ-Ċirkewwa f'Malta u l-Imġarr f'Għawdex. Il-vjaġġ idum madwar 20 minuta u tista' tivvjaġġa bil-karozza tiegħek jekk tixtieq. Hemm kafetterija u ħanut żgħir fuq il-vapur biex tiekol u tixrob xi ħaġa u tixtri xi affarijiet bażiċi li forsi tkun insejt bħall-krema ta’ protezzjoni mix-xemx, xfafar tal-leħja u forsi xi shampoo jew conditioner. Matul l-istaġuni ewlenin - bħall-Għid, ċerti btajjel pubbliċi u l-Karnival – il-vapur jaħdem b'shuttle service biex jiġu evitati kjuwijiet u ħinijiet twal ta' stennija.

Tista' ssib aktar informazzjoni u skedi billi żżur il-websajt tal-kumpanija Gozo Channel.

Kemmuna

Hemm vjaġġi regolari bejn Malta, Għawdex u Kemmuna. United Comino Ferries joffru servizz bir-ritorn kuljum mill-Marfa u ċ-Ċirkewwa, Malta għall-Blue Lagoon, f’Kemmuna. Il-vjaġġ għal Kemmuna jieħu madwar 25 minuta.

Tista' wkoll tuża servizz tal-lanċa bir-ritorn mill-Port tal-Imġarr, Għawdex, u miċ-Ċirkewwa, Malta (ħdejn il-vapur) jew mill-Marfa għall-gżira ta' Kemmuna / Blue Lagoon. Id-dgħajjes jitilqu kull siegħa (mas-siegħa) kuljum, skont id-domanda. Dan il-vjaġġ jieħu madwar 15-il minuta.

Il-Port il-Kbir

Tista’ wkoll  tasal sal-Port il-Kbir tant sabiħ fil-Belt Valletta permezz ta' taxi tal-ilma. Dgħajjes tradizzjonali Maltin joffru shuttle service bejn il-Belt Valletta u l-Birgu u l-Isla. Ikklikkja hawn għal aktar informazzjoni.

Il-Lift tal-Barrakka ta' Fuq

Dan il-lift il-ġdid infetaħ f'Diċembru 2012 u jikkollega l-Port il-Kbir mal-ġonna pittoreski tal-Barrakka ta' Fuq u ċ-ċentru tal-belt Valletta. Dan jinsab fuq is-sit oriġinali tal-lift l-antik, li tneħħa fl-1983, u li dam jintuża bejn l-1905 u l-1973.

Il-lift huwa għoli 58 metru u jista' jġorr 21 persuna f'daqqa. Il-vjaġġ jieħu madwar 25 sekonda, u b'hekk huwa l-mod l-aktar veloċi biex tidħol il-Belt mill-Valletta Waterfront.

Billejl il-lift jinxtegħel, għalhekk ipprova mur ukoll xi darba filgħaxija.