Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

Xtehtieg biex tmur toqghod Malta

No

Qed taħseb biex tmur toqgħod Malta?

 
Qed taħseb biex tmur toqgħod Malta? Kull sena bosta residenti jinġibdu lejn dan l-istat gżira żgħir. Dawn jinkludu professjonisti li jkollhom l-opportunità jaħdmu b'mod remot kif ukoll persuni rtirati mill-Ewropa ta' Fuq, fosthom numru tajjeb mir-Renju Unit. Jiġu attirati mill-istil ta' ħajja relattivament rilassat, l-għoli tal-ħajja raġonevoli, kif ukoll ir-rabtiet storiċi tal-pajjiż mar-Renju Unit.
 
Dawk kollha li jiġu joqogħdu Malta, li hija l-iżgħar stat tal-UE, jinġibdu lejn is-sbuħija naturali tagħha, it-teżori arkitettoniċi, kif ukoll dak il-joie de vivre tipikament Mediterran li huwa mifrux fil-gżira. Bosta jiġu attirati wkoll lejn l-industriji varji li rnexxew u li qed jikbru f'Malta bħall-industrija tal-gaming u s-servizzi finanzjarji.
 
Attrazzjonijiet ewlenin oħrajn jinkludu l-pletora ta' attivitajiet għall-mogħdija taż-żmien bħall-għadis, avvenimenti kulturali u d-divertiment ta' billejl. 
 
F'din it-taqsima se ssib dak kollu li teħtieġ tkun taf biex tiġi toqgħod f'din il-gżira tant rikka fl-istorja, imdawra bil-Baħar Mediterran ikħal u fond u fejn ix-xemx tiżreġ għall-biċċa l-kbira tal-ġranet matul is-sena.
 
Ir-Rekwiżiti għar-Residenza
Huwa relattivament faċli biex tikseb id-dokumentazzjoni neċessarja biex tkun tista' tiġi Malta.
 
Viża ta' Turist
Din tippermettilek tgħix f'Malta legalment għal 90 jum. Tista' toqgħod għal aktar żmien billi tikseb estensjoni mingħand il-pulizija jew billi titlaq u terġa' tiġi lura għal 90 jum. Jekk qed tippjana biex tgħix fuq il-gżira tagħna għal perjodu ta' żmien twil, għandek tikkunsidra ssir residenti permanenti.
 
Għalhekk jekk qed tippjana li tiġi toqgħod Malta, m'għandekx bżonn tapplika għar-residenza qabel ma tiċċaqlaq. Tista' tuża l-viża tiegħek ta' turist waqt li tirranġa l-affarijiet u tistabbilixxi ruħek, u sadanittant tapplika għar-residenza.
 
Ivvjaġġar fl-Ewropa
Malta qiegħda fiż-żona ta' Schengen li huwa grupp ta' pajjiżi li neħħew il-kontrolli tal-passaporti u tal-immigrazzjoni fil-fruntieri komuni tagħhom. Għalhekk, persuni li jivvjaġġaw minn u lejn iż-żoni ta' Schengen ma jkunux jeħtieġu li l-passaporti tagħhom jiġu ċċekkjati fil-fruntieri.
 
Malta għandha wkoll ftehim ta’ rinunzja ta' viżi ma' għadd ta' pajjiżi. Ċittadini Maltin huma eliġibbli li jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti mingħajr viża.
 
Residenza Permanenti
Jekk issir resident permanenti f'Malta trid tħallas taxxa ta' 15 fil-mija fuq id-dħul li ddaħħal fil-pajjiż. Bis-saħħa tat-trattati tat-tassazzjoni doppja ma' diversi pajjiżi, probabbilment ma tkun meħtieġ tħallas ebda taxxa fil-pajjiż tal-oriġini tiegħek.
 
Tista' ssib lista ta' pajjiżi li għandhom arranġament ma' Malta dwar it-tassazzjoni doppja hawn.
 
Ladarba ssir resident permanenti, ovvjament ma tkunx neċessarjament meħtieġ tgħix fuq il-gżira l-ħin kollu u tkun tista' tmur u tiġi meta trid. Madankollu għandek iżżomm f’moħħok li meta ssir resident ma tkunx sirt ċittadin Malti u ma tkunx tista' tivvota.
 
Żewġ Tipi ta' Residenza
Tista' tapplika għal waħda minn żewġ tipi ta' residenza skont minn fejn qed temigra: ir-Residenza Ordinarja jew ir-Residenza Permanenti. Id-differenza bejn dawn it-tnejn fl-aħħar mill-aħħar hija dwar kemm tiġi ntaxxat/a.
 
Residenza Ordinarja
Residenza Ordinarja tapplika għal persuni li ġejjin Malta mill-UE. It-taxxa li tħallas tinħadem billi jinqata' perċentwali ta' bejn 0 sa 35 fil-mija mid-dħul tiegħek, bit-tnaqqis ta' kreditu tat-taxxa, skont kemm taqla' u skont l-istat ċivili tiegħek.
 
Residenza Permanenti
Ir-Residenza Permanenti hija miftuħa għal kulħadd, ikun liema jkun il-pajjiż tal-oriġini tiegħek. Jekk m'intix mill-UE trid tapplika għal din. Tista' tapplika wkoll għall din l-iskema jekk inti mill-UE, iżda dejjem nirrakkomandaw li tieħu parir mingħand avukat biex tara liema skema hija l-aktar adattata għalik.
 
Trid iġġedded il-permess tar-residenza ordinarja tiegħek kull ħames snin, filwaqt li permessi għar-residenza permanenti jiġġeddu kull sena.
 
Malta Global Residency Programme
F'Lulju 2013, il-Gvern Malti introduċa programm ġdid ta' residenza. Dan joffri status speċjali tat-taxxa lil ċittadini ta' pajjiżi terzi (għajr għaċ-ċittadini taż-ŻEE u tal-Iżvizzera) f'Malta. Biex tapplika għal dan il-programm trid tissodisfa ċerti kriterji bħax-xiri jew il-kiri ta' proprjetà f'Malta jew Għawdex u l-ħlas ta' obbligu minimu tat-taxxa annwali fuq id-dħul barrani li tirċievi f'Malta.
 
Fejn Napplika għall-Permess tar-Residenza Tiegħi?
Biex tapplika għall-permess tar-residenza għandek tmur:
 
Id-Dipartiment għall-Affarijiet ta' Ċittadinanza u Nies Barranin
Identity Malta
Evans Building
Pjazza Sant' Iermu
Il-Belt Valletta
 
Tel: 2590 4600

Indirizz elettroniku: citizenship@gov.mt
 
L-applikazzjonijiet għall-permess tar-residenza jistgħu jiġu sottomessi l-Belt Valletta biss. L-applikazzjoni tista' tiġi ppreżentata minn xi ħadd ieħor (f'ismek) iżda meta jinħareġ id-dokument teħtieġ li tiġbru int stess. Tista' tapplika wkoll bil-posta. Meta tapplika bil-posta, trid tibgħat kopji tal-passaporti jew tal-karti tal-identità li jkunu awtentikati mill-pulizija. Teħtieġ tippreżenta l-passaport jew il-karta tal-identità tiegħek meta tiġbor iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni jew il-karta tar-residenza tiegħek.
 
 
Hemm xi Miżata għall-Applikazzjoni?
Ma hemm ebda miżata għall-applikazzjoni jekk inti ċittadin/a tal-UE/ŻEE/Żvizzera jew membru tal-familja ta' ċittadin/a tal-UE/ŻEE/Żvizzera. Madankollu, jekk tlift id-dokument tar-residenza tiegħek, jew insteraq, inqered jew tgħarraq, trid tħallas miżata hekk kif ġej:
·    Dokument mitluf, misruq jew meqrud: €20 
·    Dokument mgħarraq: €15
·  Ċittadini mhux tal-UE jridu jħallsu miżata ta' €25 li tintitola lill-applikant għal dokument li jkopri perjodu ta' sena jew parti minnha.
·   Jekk int miżżeweġ/miżżewġa ċittadin/a Malti/Maltija li j/tgawdi Status ta' Persuna Eżenti int tkun eżenti milli tħallas il-miżata
·     Residenti għal perjodu ta' żmien twil iridu jħallsu miżata għal permess ta' ħames snin, li tammonta għal €125 li jitħallsu meta ssir l-applikazzjoni
·   Jekk għandek Protezzjoni Internazzjonali u għadek kif ġejt rilaxxat/a minn detenzjoni, inti eżenti milli tħallas miżata.
 
 
Għandi Bżonn Għajnuna Professjonali Biex Napplika għar-Residenza?
Ħafna nies ma jkollhomx bżonn għajnuna professjonali biex japplikaw għar-residenza, billi l-proċess tal-applikazzjoni huwa pjuttost sempliċi u faċli issa li Malta hija membru tal-UE.
 
Madankollu, il-proċess jista' jieħu ħafna żmien, għalhekk jekk m'għandekx ħafna ħin għad-dispożizzjoni jista' jkun aħjar għalik li tikkunsidra titlob għajnuna professjonali.
 
Barra dan, accountant jista' jagħtik parir għal xiex inti intitolat/a, kif ukoll jiggwidak biex tiċċaqlaq fil-ħin opportun mill-aspett fiskali. Iż-żmien meta tapplika għar-residenza jista’ jiddependi wkoll miż-żmien meta tispiċċa r-residenza tiegħek xi mkien ieħor u meta tiksibha f’Malta.