No

Talbiet Żgħar

​​​​​​X'INHUMA TALBIET ŻGĦAR? META GĦANDEK TAPPLIKA?

Il-Liġi ta' Malta tikklassifika bħala talbiet żgħar dawk it-talbiet għal flus li ma jammontawx għal aktar minn ħamest elef ewro (€5,000). Talbiet bħal dawn jinstemgħu u jiġu deċiżi mit-Tribunal għal Talbiet Żgħar. Kawżi li jinvolvu l-pussess ta' proprjetà immobbli jew drittijiet relatati, anke jekk it-talba ma taqbiżx €5,000, kif ukoll kawżi dwar tkeċċija u żgumbrament minn proprjetà immobbli ma jitqisux bħala talbiet żgħar.


LEĠIŻLAZZJONI, DRITTIJIET U REGOLAMENTI

It-Tribunal għal Talbiet Żgħar huwa ppresedut minn Ġudikatur li jiddeċiedi l-kawżi fuq prinċipji ta' ekwità skont il-liġi. Il-Ġudikatur jinħatru minn fost l-avukati għal terminu ta' ħames snin. It-Tribunal għal Talbiet Żgħar huwa regolat mill-Att dwar it-Tribuna​l għal Talbiet Żgħar.


KIF TIBDA L-PROĊEDURI GĦAL TALBIET IŻ-ŻGĦAR

Il-proċeduri quddiem it-Tribunal għal Talbiet Żgħar jinbdew billi wieħed jippreżenta Avviż ta' Talba fir-Reġistru tal-Qorti Ċivili. L-Avviż jista' jiġi ppreżentat kemm fiżikament fir-Reġistru jew b'mezzi elettroniċi, jiġifieri onlajn.  Dokumenti ta' sostenn jistgħu wkoll jiġu ppreżentati mat-talba. 

Il-formola Avviż ta' Talba – Risposta tintuża mill-parti li tkun ingħatat notifika ta' talba mressqa kontra tagħha fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar u tkun trid li tagħti risposta għat-talba. Din ir-risposta għandha tintbagħat fi żmien tmintax (18) -il jum mid-data ta' meta din il-parti tkun irċeviet in-notifika tat-talba. Jekk il-parti hekk notifikata trid tagħmel kontrotalba kontra l-parti li tkun għamlet it-talba, hu/hi għandha tuża din l-istess formola u timla l-parti intitolata 'Risposta għal Kontrotalba'.  Dokumenti ta' sostenn jistgħu wkoll jiġu ppreżentati mat-talba. 

Il-formola Risposta għall-Kontrotalba tintuża mill-parti li tkun ressqet it-talba quddiem it-Tribunal għal Talbiet Żgħar biex tirrispondi għall-kontrotalba li tkun saret mill-parti li kontra tagħha tkun tressqet it-talba.  Dokumenti ta' sostenn jistgħu wkoll jiġu ppreżentati mat-talba. 

Kull applikazzjoni onlajn relatata ma' Talbiet Żgħar, tieħu madwar ħmistax (15)-il minuta biex timtela'. Waqt li persuna tkun qed timla l-formola, l-applikazzjoni tista' tiġi ssejvjata bħala draft fi f'kull ħin. Wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni, tiġi ġġenerata irċevuta, fejn wara isir l-verifika u reġistrazzjoni mid-Deputat Reġistratur fi żmien ġurnata (1) xogħol. L-applikazzjoni tiġi assenjata lill-Ġudikatur fi żmien ġurnata (1) xogħol wara li tkun ġiet irreġistrata.   Ladarba tiġi sottomessa l-applikazzjoni, l-applikant jista' jintraċċa u jsegwi il-kawża mill-ecourts.gov.mt. 


KIF TIKSEB TAGĦRIF DWAR KAWŻI GĦAL TALBIET IŻ-ŻGĦAR

Sentenzi Online (Judgements Online) huwa wieħed mis-servizzi li jaqgħu taħt l-inizjattiva tal-eGovernment. Din hija offruta mill-Aġenżija dwar is-Servizzi tal-Qrati bl-għan li aktar nies jibbenefikaw mill-użu tat-teknoloġija tal-informatika u s-servizzi tal-komunikazzjoni. Is-servizz iwassal ġabra ta' sentenzi mogħtija mill-Qrati tal-Ġustizzja ta' Malta mill-1944 'l hawn. F'din il-ġabra, ir-riċerkatur isib sentenzi ta' ċertu interess u importanza mogħtija mill-Qrati tal-Ġustizzja ta' Malta u Għawdex. 

Dan is-servizz huwa għodda elettronika utli ħafna fir-riċerka, maħsuba biex tissodisfa l-ħtiġiet ta' ġudikanti, avukati, nutara, prokuraturi legali, impjegati tal-qrati, studenti tal-liġi, ġurnalisti u, l-aħħar imma mhux l-inqas, il-pubbliku ġenerali. Is-servizz huwa b'xejn, jista' jintuża bla limitu u ma jinvolvi l-ebda ħlas biex wieħed iniżżel kopji tad-dokumenti sħaħ tas-sentenzi.  Agħafas il-link biex taċċessa Fittex is-Sentenzi.

Sentenzi Online (Judgements Online) joffri 4 servizzi: 

  • Sentenzi mogħtija fl-aħħar 15-il jum  
  • Sentenzi mogħtija fl-aħħar 12-il xahar
  • Sentenzi bejn data speċifikata
  • Tfittxija permezz ta' kliem speċifiku (bħal referenza, qorti, ġudikatura, partijiet / litiganti, Identifikatur tal-Ġurisprudenza Ewropea, fost oħrajn)   

Minbarra sentenzi finali, is-sistema tas-Sentenzi Online turi wkoll sentenzi parzjali (jiġifieri sentenzi in parte) u tagħrif ieħor marbut mal-kawża.  Tista' ssir tfittxija għall-sentenzi mogħtija bi proċedura Ewropea Għal Talbiet Żgħar.

Kull min jixtieq, jista' jilloggja bl-e-ID u jidħol f''My Cases', li hija aċċessibbli mis-sit elettroniku https://ecourts.gov.mt/onlineservices/. Hemmhekk ikun jista' jara l-kawża li jkollu pendenti quddiem it-Tribunal għal Talbiet Żgħar. Ladarba t-Tribunal jagħti s-sentenza, dak li jkun jista' jaqraha minn 'My Cases' stess.


APPELLI MINN DEĊIŻJONIJIET DWAR TALBIET IŻ-ŻGĦAR

Wieħed jista' jappella minn deċiżjoni tat-Tribunal dwar Talbiet Żgħar quddiem il-Qorti tal-Appell komposta minn imħallef wieħed, jiġifieri l-Qorti tal-Appell fil-Ġuriżdizzjoni Inferjuri tagħha.
 

KIF TAPPELLA MINN DEĊIŻJONI TAT-TRIBUNAL GĦAL TALBIET IŻ-ŻGĦAR

Kwalunkwe parti f'kawża quddiem it-Tribunal għal Talbiet Żgħar li ma taqbilx mad-deċiżjoni tat-Tribunal tista' tappella minnha permezz ta' rikors ippreżentat fil-Qorti tal-Appell fi żmien għoxrin (20) jum mid-data tad-deċiżjoni. Ir-rikors irid ikun iffirmat minn avukat u jista' jiġi ppreżentat fir-Reġistru tat-Qorti minn avukat, prokuratur legali jew il-parti li qed tappella.  Dokumenti ta' sostenn jistgħu wkoll jiġu ppreżentati mal-appell.
 

L-appell jista' wkoll isir onlajn hawn​hekk​ ​mill-avukat jew il-prokuratur legali. L-applikazzjoni tieħu madwar ħmistax (15) -il minuta biex timtela. Waqt li persuna tkun qed timla l-formola, l-applikazzjoni tista' tiġi ssejvjata bħala draft f'kull ħin. Wara s-sottomissjoni tal-appell, tiġi ġġenerata irċevuta, fejn wara isir l-verifika u reġistrazzjoni mid-Deputat Reġistratur fi żmien ġurnata (1) xogħol. L-appell jiġi assenjata mill-Imħallef fi żmien ġurnata (1) xogħol wara li tkun ġie irreġistrat.   Wara li jiġi sottomess l-appell, l-applikant jista' jintraċċa u jsegwi il-kawża mill-ecourts.gov.mt. 

PROĊEDURA EWROPEA GĦAL TALBIET ŻGĦAR

Ir-Regolament 861/2007 tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007, li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, għandu l-għan li jtejjeb u jissimplifika proċeduri ta' natura ċivili u kummerċjali fejn il-valur tat-talba ma jaqbiżx €5,000. 

L-operat ta' din il-proċedura huwa msejjes fuq formoli standard. Il-proċedura hija waħda bil-miktub, sakemm it-tribunal ma jqisx li seduta orali hija meħtieġa.  Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll limiti ta' żmien għall-partijiet u għat-tribunali sabiex il-litigazzjoni titħaffef.

It-Tribunal Malti jaċċetta l-formola tal-applikazzjoni bl-Ingliż u bil-Malti, bil-posta reġistrata, fax jew b'mod elettroniku.  Tista' timla l-formoli onlajn hawnhekk​.

Tagħrif u sentenzi dwar il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar huma nklużi fis-sit elettroniku Sentenzi Online.

Id-dritt ta' appell minn deċiżjoni għal rigward il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jaqgħu taħt il-liġi nazzjonali, jiġifieri taħt l-Att dwar it-Tribunal għal Talbiet Żgħar​. Aqra t-Taqsima "Kif tappella minn deċiżjoni tat-Tribunal għal Talbiet Żgħar" għal aktar tagħrif dwar kif tressaq appell.


​ĦLAS DOVUT GĦAR-REĠISTRAZZJONI FIT-TRIBUNAL GĦAL TALBIET ŻGĦAR JEW GĦAL PROĊEDURA EWROPEA GĦAL TALBIET IŻ-ŻGĦAR

Il-ħlas tal-avviż tat-talba huwa € 40.00.

Il-ħlas tar-risposta huwa €25.00.

Il-ħlas tal-kontrotalba huwa € 40.00.

Il-ħlas tar-risposta għal kontrotalba hija €25.00.

Il-ħlas tal-appell huwa € 80.00.

Il-ħlas għar-risposta għall-appell huwa € 50.00.

Apparti l-ħlasijiet msemmija hawn fuq, irid isir il-ħlas għan-notifika/i lill-partijiet li huwa € 7.20 għal kull notifika.


DATA PERSONALI

Id-dokumenti kollha ppreżentati fit-Tribunal Għal Talbiet Żgħar u fil-Qorti tal-Appell huma disponibbli għall-pubbliku. Madanakollu, kull persina għandha d-dritt li tagħmel kuntatt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f'dan l-indrizz elettroniku: [email protected] jekk t/jħoss li kien hemm ksur fiid-data personali:

Il-Kontrollur tad-Data huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenżija dwar is-Servizzi tal-Qrati li jista' jiġi kkuntattjat f'dan l-indirizz:

Aġenżija dwar is-Servizzi tal-Qrati, Triq ir-Repubblika, Valletta

Telefon: 25902217 

Jekk inti tibqa' ma taqbilx mad-deċiżjoni tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jew tal-Kontrollur tad-Data tista' tappella quddiem il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data li jinsab f'Level 2, Airways House, Triq il-Kbira, Sliema SLM 1549

Telefon: 23287100

Imejl: [email protected]

 

SAPPORT, GĦAJNUNA U TAGĦTI FEEDBACK​

Is-sodisfazzjon taċ-ċittadin huwa essenzjali għall-kwalità u l-prestazzjoni u għalhekk l-opinjoni u l-feedback tiegħek huma mħeġġa ħafna biex naġixxu fuq is-suġġerimenti riċevuti. Kemm jekk int Malti jew Ċittadin li mhux Malti u tixtieq iktar għajnuna, tipprovdi feedback, tressaq ilment, jew tagħti l-opinjoni tiegħek dwar is-servizzi relatati mat-Talbiet Żgħar, inti tista' tagħmel kuntatt billi tuża d-dettalji provduti fuq in-naħa tal-lemin tal-paġna jew agħfas hawn.

​Apparti minn hekk, tista' wkoll tagħfas hawn biex titlob aktar informazzjoni jew nkella tagħfas hawn biex tressaq ilment tiegħek.