SommarjuNilħqu Livelli ĠoddaStrateġija Nazzjonali għad-Dimensja għall-Gżejjer Maltin2024 - 2031Sfond L-Istrateġija Nazzjonali għad--Dimensja għall-Gżejjer Maltin 2024 – 2031, bit-titlu ‘Nilħqu Livelli Ġodda’,
għandha l-għan li ttejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tas-servizzi u l-kwalità tal-ħajja ta’ persuni fil-gżejjer
Maltin li jgħixu b’din il-kundizzjoni.
Din l-istrateġija tad-dimensja hija kontinwazzjoni tal-ewwel strateġija nazzjonali u tibni fuq il-progress
li sar matul l-implimentazzjoni tagħha. Saret analiżi tal-objettivi implimentati u twettqet riċerka dwar
prattiċi ġodda bbażati fuq l-evidenza. Minn din l-evalwazzjonii, ġew identifikati diversi oqsma t’azzjoni
fl-istrateġija biex jiġi indirizzat dak li Malta teħtieġ biex tilħaq livelli ġodda f’dan is-settur tal-kura.
Dan il-pjan jinfirex fuq perjodu tas-seba’ snin li ġejjin. L-istrateġija tistabbilixxi viżjoni dwar kif in-nies
bid-dimensja jistgħu jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar permezz tat-tibdil neċessarju fis-soċjetà, fil-policies
u fis-servizzi. Din l-istrateġija tidentifika oqsma ta’ prijorità li se jgħinu lin-nies li jgħixu bil-kundizzjoni
tad-dimensja u lil dawk li jieħdu ħsiebhom. L-għanijiet li għandhom jintlaħqu permezz tal-oqsma
t’azzjoni identifikati f’din l-istrateġija jinkludu:
- Jiżdied l-għarfien dwar id-dimensja billi titjieb l-inklussività u l-aċċessibbiltà fil-komunità sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet għas-saħħa, l-involviment, u s-sigurtà għal kulħadd.
- Jitnaqqas ir-riskju li persuna tiżviluppa d-dimensja billi jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni, bħalma huma ż-żieda fl-attività fiżika, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-obeżità, il-promozzjoni ta’ dieta bilanċjata u tajba għas-saħħa, il-waqfien mit-tipjip u l-konsum tal-alkoħol, l-involviment f’attivitajiet soċjali, il-promozzjoni t’attivitajiet li jistimulaw l-aspett konjittiv tal-individwu, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-dijabete, il-pressjoni u d-dipressjoni.
- Tingħata dijanjosi bikrija biex l-individwi jkunu jistgħu jippjanaw il-kura u jieħdu deċiżjonijiet legali waqt li jkunu għadhom kapaċi jieħdu deċiżjonijiet importanti.
- Jitnissel approċċ pożittiv iffukat fuq għajnuna lejn persuni bid-dimensja u l-familji tagħhom li jippermettilhom jgħixu ħajja ta’ kwalità tajba.
- Jitjiebu l-opportunitajiet edukattivi u l-programmi ta’ taħriġ biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-persuni li jaħdmu ma’ individwi bid-dimensja, biex b’hekk jingħata servizz ta’ kwalità għolja.
- Tissaħħaħ is-sitema ta’ kura ħolistika li tpoġġi l-persuna fiċ-ċentru tal-pjan ta’ kura.
- Isir progress fil-qasam ta’ prevenzjoni, dijanjosi, trattament u kura tad-dimensja permezz ta’ riċerka dwar il-kundizzjoni.
Se jitwaqqaf Kumitat Inter-Ministerjali, immexxi mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva, biex jikkoordina u
jissorvelja l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Dan se jiżgura li l-azzjonijiet identifikati fis-seba' taqsimiet
tal-istrateġija jiġu implimentati b'mod effettiv u effiċjenti. Il-kumitat se jara wkoll li persuni bid-dimensja,
dawk li jieħdu ħsiebhom, u membri tal-familja tagħhom ikunu inklużi fil-proċess ta’ implimentazzjoni.
Konsultazzjoni
Il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva, jistieden lill-pubbliku biex jissottometti kwalunkwe kummenti
jew suġġerimenti dwar l-Istrateġija Nazzjonali għad--Dimensja għall-Gżejjer Maltin 2024 – 2031.
Il-kummenti u s-suġġerimenti ta’ konsultazzjoni jistgħu jsiru permezz tal-formola li tinsab hawn taħt sa
30 ta’ Novembru 2023.
Dokument
Id-dokument ta’ konsultazzjoni ‘Nilħqu Livelli Ġodda’ Strateġija Nazzjonali għad-Dimensja għall-Gżejjer Maltin 2024 – 2031, jista` jiġi aċċessat minn din il-ħolqa:
https://anzjanitaattiva.gov.mt/wp-content/uploads/2023/10/Nilhqu-Livelli-Godda-PDF.pdf