L-Awtorità tal-Ippjanar (PA), wara direzzjoni mill-Gvern, bdiet il-proċess biex titneħħa policy tal-ippjanar (SMMS 04) li tappoġġja l-iżvilupp ta’ yacht marina fil-parti ta’ ġewwa tal-Bajja ta’ Wied il-Għajn u l-iżvilupp mill-ġdid tal-pitch tal-eks-Pixxina Nazzjonali għal skopijiet residenzjali u kummerċjali.
Il-policy u l-mappa assoċjata magħha jinsabu fil-Pjan Lokali ta’ Nofsinhar ta’ Malta li ġie approvat fl-2006. Il-policy eżistenti tistipula li fil-parti ta’ ġewwa tal-Bajja ta’ Wied il-Għajn, jiġu kkunsidrati b’mod pożittiv proposti għall-iżvilupp ta’ yacht marina. Madankollu, jitlob li jsiru studji xierqa, inkluż stħarriġ arkeoloġiku u Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, biex jiddeterminaw l-iskala, il-forma u l-adegwatezza tal-użu propost. Il-policy teħtieġ ukoll li l-proġett ikun finanzjarjament vijabbli.
Sakemm jitħejja l-Master Plan, il-policy torbot ukoll l-iżvilupp mill-ġdid tal-pitch tal-eks-Pixxina Nazzjonali f’Marsaskala mal-iżvilupp tal-yacht marina, li talloka 60% tas-sit kollu għal żvilupp residenzjali u kummerċjali.
Bl-irtirar ta’ din il-policy, l-eks Pixxina Nazzjonali se tibqa’ faċilità komunitarja bl-isport ikun l-użu primarju tal-art u l-iżvilupp ta’ yacht marina fil-parti ta’ ġewwa tal-Bajja ta’ Wied il-Għajn mhux permissibbli.
Bl-irtirar ta’ din il-policy, l-impenn tal-policy lejn il-yacht marina se jiġi eliminat u l-eks-Pixxina Nazzjonali tibqa’ faċilità komunitarja bl-isports bħala l-użu primarju tal-art.
L-Awtorità tistieden lill-pubbliku biex jibgħat il-kummenti u s-suġġeritmenti tiegħu dwar l-irtirar propost permezz tal-formola t'hawn taħt. Is-sottomissjonijiet iridu jaslu sa 17 ta’ Ġunju 2024.