L-għan tal-proċess ta’ din il-konsultazzjoni huwa li jissieħeb f’diskussjoni mal-partijiet interessati kollha u mal-pubbliku ġenerali fuq riforma sħiħa tal-qafas lokali tar-reġistrazzjoni tal-artijiet fuq perjodu t’għaxar (10) snin, bejn l-2025 u l-2035. Id-Dokument ta’ Konsultazzjoni ppreżentat, juri l-viżjoni għal riforma strateġika, il-prinċipji sottostanti u tmintax-il (18) rakkomandazzjoni.
Ir-riforma hija prinċipalment maħsuba biex timmodernizza l-qafas tar-reġistrazzjoni tal-art li beda fit-tmeninijiet permezz tal-Att tal-1981, u kompla jevolva fid-desgħinijiet, madankollu dan il-qafas ftit li xejn baqa’ jiġi aġġornat u modernizzat biex ikun jista’ jindirizza l-isfidi li ġab miegħu s-suq tal-propjetà, li evolva u nbidel drastikament matul dawn l-aħħar snin. L-għan ta’ din ir-riforma ppjanata huwa li jiġi assigurat proċess ta’ reġistrazzjoni sigur li jipprovdi titolu ta’ ċertifikat ta’ sjieda fdat permezz ta’ sistema onlajn modernizzata li twieġeb għas-suq tal-proprjetà li dejjem jinbidel għall-benefiċċju tal-pubbliku.
Drittijiet siguri fuq il-proprjetà huma essenzjali għall-progress ekonomiku. Meta jkun hemm fiduċja fil-pussess ta’ assi immobbli allura jkun aktar probabbli li l-investiment f’dan is-settur jiġi assigurat u miżmum. Investiment bħal dan għandu impatt pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku. L-assigurar tal-korrettezza u l-protezzjoni tad-drittijiet tas-sjieda se jippromwovi ċ-ċertezza u t-tkabbir tal-investiment.
Sistema moderna u effiċjenti ta’ reġistrazzjoni tal-art hija essenzjali biex issostni dan il-livell ta’ sjieda tal-proprjetà u attività ekonomika, li tipprovdi stabbilità, ċarezza, u sigurtà fit-transazzjonijiet tal-art.
Kulħadd huwa mħeġġeġ li jipparteċipa u jressaq il-quddiem il-kummenti u rispons għar-rakkomandazzjonijiet mfassla fl-istrateġija.
Kummenti oħra:
Il-kummenti sottomessi, flimkien mal-identità tal-kontributur, jistgħu jiġu ppubblikati onlajn fl-għeluq tal-konsultazzjoni pubblika, sakemm il-kontributur ma joġġezzjonax għal dan. F’dak il-każ, il-kontribuzzjoni tista’ tiġi ppubblikata b’mod anonimu. Il-kummenti kollha sottomessi se jkunu kkunsidrati bir-reqqa.
Il-link għad-dokument ta' konsultazzjoni hu dan: https://artijiet.gov.mt/wp-content/uploads/2024/11/LRA-document-web-single-pages.pdf