Mill-ġdid, il-Gvern qed jersaq ’il quddiem b’riforma komprensiva li fiċ-ċentru tagħha għandu jkun hemm il-ġurnalisti u professjonisti oħra tal-midja li jaħdmu b’dedikazzjoni u integrità biex jinfurmaw lis-soċjetà b’fatti bbażati fuq riċerka serja u verifikata.
Għalkemm il-Gvern beda dan il-proċess kważi tliet snin ilu u diġà ppreżenta tliet abbozzi ta’ liġijiet fil-Parlament, kien hemm suġġeriment li ssir konsultazzjoni pubblika aktar wiesgħa. Dan sar sabiex il-Gvern ikun jista’ jivvaluta b’mod olistiku, wara li jisma’ u jikkunsidra l-opinjonijiet u l-perspettivi kollha fis-soċjetà.
Fl-2021, il-Gvern wera impenn serju lejn ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-mewt traġika ta’ Daphne Caruana Galizia. Saru konsultazzjonijiet estensivi mal-familja tagħha, mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Minn dan il-proċess, inbena l-pedament għall-abbozzi li tressqu fil-Parlament mill-Prim Ministru.
Kif rakkomandat mill-istess Inkjesta, twaqqaf Kumitat ta’ Esperti mmexxi mill-Imħallef Emeritus Michael Mallia. Dan il-Kumitat ippreżenta żewġ rapporti: l-ewwel wieħed iffoka fuq l-abbozzi oriġinali, filwaqt li t-tieni wieħed indirizza l-abbozzi aġġornati u inkluda konsultazzjoni aktar mifruxa. Importanti li wieħed jinnota li l-Kumitat kien konformi mal-maġġoranza tar-reazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern.
Il-Gvern baqa’ konsistenti fl-impenn tiegħu li jibqa’ miftuħ għall-konsultazzjoni. Minkejja li kien jemmen li l-abbozzi setgħu joffru l-ogħla livell ta’ protezzjoni għall-ġurnaliżmu f’Malta, għażel li jerġa’ jiftaħ il-proċess sabiex jassigura li jkun wieħed tassew inklussiv u jirrifletti l-fehmiet kollha tas-soċjetà.
Dan il-proċess jirrappreżenta opportunità storika għal Malta biex tkun katalist għal bidla pożittiva f’dan il-qasam, mhux biss fuq livell nazzjonali iżda wkoll fuq livell Ewropew.
Għaldaqstat, qegħdin nippreżentaw numru ta’ mistoqsijiet ewlenin xprunati mill-istess inkjesta pubblika u oħrajn li jirriflettu b’responsabbiltà d-diskussjoni kontinwa dwar kif nistgħu nindirizzaw b’mod effettiv l-abbuz tal-libertà tal-espressjoni.
Nistennew bil-ħerqa l-kontribut tal-pubbliku, il-ħsibijiet, il-proposti u l-opinjonijiet tagħkom, sabiex flimkien inkunu nistgħu nimxu pass ieħor ’il quddiem f’dan il-qasam fundamentali għad-demokrazija tagħna.