1. Sfond
Kemm jekk għall-ġmiel estetiku jew kemm għall-użu prattiku tagħhom, il-prodotti artiġjanali ilhom sekli sħaħ parti intrinsika mill-patrimonju Malti u t-tradizzjonijiet lokali. Minkejja dan, sa żmienna kien għad m'hemmx strateġija li tindirizza b'mod sħiħ l-isfidi tas-settur tal-artiġjanat u li tiffoka fuq l-opportunitajiet li bihom nassiguraw sostenibbiltà fit-tul f'dan il-qasam.
Bħala parti mir-rwol tagħha li tħares l-artiġjanat lokali u tqanqal l-apprezzament għalih, il-Malta Crafts Foundation mit-twaqqif tagħha fl-2021 għarfet dan in-nuqqas u qed tipproponi dan l-abbozz ta’ strateġija nazzjonali.
2. Futur lis-Snajja' - Strateġija Nazzjonali għas-Settur tal-Artiġjanat f'Malta 2024-2030
L-għan ġenerali tal-istrateġija hu li tidentifika miri strateġiċi u li tipproponi azzjonijiet għas-settur artiġjanali għas-sitt snin li ġejjin. L-istrateġija hi maħsuba biex toffri mappa li tikkontribwixxi lejn is-sostenibbiltà fit-tul, il-vijabbiltà, u t-tkabbir tas-settur artiġjanali. Dan isir ukoll b’mod partikolari għal dawk is-snajja’ tradizzjonali li huma parti essenzjali mill-wirt storiku Malti u li huma fl-ikbar riskju li jintilfu jekk ma tittieħed ebda azzjoni sabiex jitħarsu għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Biex tiżgura li l-istrateġija tirrifletti tabilħaqq il-ħtiġijiet u l-isfidi tas-settur tal-artiġjanat lokali, il-Malta Crafts Foundation rat li tisma' lil dawk kollha involuti, b'mod speċjali lil għadd kbir ta' artiġjani. Il-fehmiet inġabru permezz ta' kwestjonarju li ntbagħat lill-artiġjana kollha rreġistrati mad-Dipartiment tal-Kummerċ, matul konferenza nazzjonali li ttellgħet fl-2022, u l-gruppi ta' ħidma li saru warajha.
Ir-riżultati tar-riċerka wasslu biex jiġu identifikati tmien (8) oqsma ta' prijorità fis-settur tal-artiġjanat li jeħtieġu l-attenzjoni. Għal kull wieħed minn dawn l-oqsma prijoritarji, u skont ir-reazzjonijiet li daħlu mill-artiġjani, din l-istrateġija qed tipproponi l-azzjonijiet meħtieġa biex bihom l-isfidi jinbidlu f'opportunitajiet, u għalhekk jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fit-tul, il-vijabbiltà, tkabbir tas-settur, u jgħinu biex dawk is-snajja' li qegħdin f'riskju li jintilfu jinżammu ħajjin.
2.1 Oqsma ta' Azzjoni Prijoritarja
2.1.1 Għajnuna Finanzjarja u Miżuri ta' Appoġġ
Filwaqt illi diġà jeżistu diversi miżuri ta' appoġġ offruti minn entitajiet governattivi differenti kemm għal negozji ġodda u dawk żgħar u medji illi l-artiġjani jistgħu jibbenefikaw minnhom, l-għarfien dwar dawn il-miżuri jista’ jitkattar iżjed. Minbarra li tiżgura li dan l-għarfien jitkattar, din l-istrateġija se tindirizza wkoll opportunitajiet għal iktar għajnuna finanzjarja u miżuri ta’ appoġġ li mhumiex finanzjarji. L-involviment regolari tal-partijiet konċernati kollha huwa essenzjali ħalli dawk kollha involuti fis-settur jikkomunikaw bejniethom u jibqgħu jimplimentaw miżuri li jimbuttaw is-settur 'il quddiem.
2.1.2 Ħarsien u Regolar tas-Settur
Biex inkomplu nsaħħu l-miżuri implimentati taħt il-qasam ta' azzjoni prijoritarja f’2.1.1, din l-istrateġija għandha l-mira li jissaħħu kemm is-sistema nazzjonali tar-reġistrazzjoni tal-artiġjani bbażati Malta kif ukoll ir-regolamentazzjoni tal-UE dwar Indikaturi Ġeografiċi għall-ħarsien tal-prodotti artiġjanali Maltin. Flimkien ma’ inizjattivi oħra msemmija f’din l-istrateġija, dan għandu jiżgura li l-artiġjani jħossuhom imħarsa u li qed jikkompetu f'suq aktar sigur u ġust.
2.1.3 Appoġġ lin-Negozji
Ħafna artiġjani għadhom ma ffukawx għal kollox fuq l-artiġjanat tagħhom, inkella mħassbin dwar jekk għandhomx jaqilbu fuqu full-time minħabba l-inċertezza u l-instabbiltà tas-settur, minkejja li jieħdu gost b'dak li jagħmlu. Dan il-qasam ta' prijorità jiffoka speċifikament fuq l-artiġjani biex noffrulhom l-għodod u l-kunfidenza li jeħtieġu biex minn part-time jaqilbu jaħdmu x-xogħol artiġjanali tagħhom full-time, anki permezz ta’ tnaqqis fil-burokrazija.
2.1.4 Kampanja ta' Għarfien
Filwaqt li x-xejriet qed jinbidlu, in-nies jidhru li qed jaħsbuha b’mod differenti li jagħżlu prodotti li jsiru bil-produzzjoni tal-massa għax qed jagħrfu l-valur tal-prodotti magħmulin bl-idejn u/jew manifatturati apposta għall-klijenti. Madankollu, ħafna għadhom mhumiex midħla tal-artiġjani, tal-proċessi tal-manifattura tal-prodotti, u tal-ħin, id-dedikazzjoni, u l-isforz meħtieġ. Dan il-qasam ta' prijorità -jiffoka biex jitkattar l-għarfien u biex ikun hemm aktar rispett lejn l-artiġjani u xogħolhom, biex in-nies lokali u t-turisti jiġu edukati dwar l-artiġjanat bħala parti mill-patrimonju tagħna, u biex jixtru iktar prodotti awtentiċi Maltin.
2.1.5 Sforzi Promozzjonali
Dan il-qasam ta' prijorità jiffoka fuq għadd ta' miżuri li bihom l-artiġjani jkunu jistgħu jilħqu iktar nies, fosthom miżuri maħsubin li jżidu l-opportunitajiet ta' bejgħ fi nħawi ċentrali, fis-swieq tal-artiġjani, bi preżenza online aħjar, u bil-parteċipazzjoni f'inizjattivi barra l-pajjiż.
2.1.6 Edukazzjoni u Taħriġ
Hekk kif - insiru ħafna aktar konxji kemm il-ħaddiema tal-id qed jonqsu, il-miżuri ewlenin ta' dan il-qasam prijoritarju huma mfasslin biex ikattru dawn il-ħiliet tradizzjonali fost il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, kif ukoll biex l-artiġjani jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom permezz ta’ sħubija u kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet edukattivi u l-programmi vokazzjonali.
2.1.7 Adattabbiltà, Sostenibbiltà, Kollaborazzjoni
Għadd ġmielu ta' artiġjani bbażati Malta huma jew ġodda fis-settur inkella ġew Malta minn barra, oħrajn ilhom involuti fl-istess sengħa jew imexxu l-istess negozju għal snin twal. Filwaqt li jista' jkun ovvju li dak li kien japplika 25 sena ilu mhux bilfors għadu jgħodd għas-swieq tal-lum, uħud mill-artiġjani jista' jkollhom bżonn ta' assistenza biex jadattaw ruħhom, l-ideat, il-proċessi, u l-prodotti tagħhom ħalli jagħmluhom aktar relevanti għal żmienna. Il-miżuri maħsuba għal dan il-qasam prijoritarju għandhom l-għan li jimmotivaw l-artiġjani biex jimmodernizzaw il--metodi tagħhom, isiru aktar sostenibbli, u jikkollaboraw bejniethom kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.
2.1.8 Innovazzjoni fis-Settur
Din l-istrateġija għandha l-għan li tgħin lill-artiġjani jħaddnu mod modern kif joperaw, b’mod li l-ideat u l-inizjattivi tagħhom jimirħu. L-inizjattivi ewlenin jinkludu opportunitajiet ta' kollaborazzjoni, taħriġ fl-użu ta' tagħmir u għodod ġodda, l-użu ta' materjali sostenibbli, u opportunitajiet ta' parteċipazzjoni fi proġetti nazzjonali u Ewropej.
B’mod ġenerali, din l-istrateġija għandha l-għan li tibdel l-isfidi f’opportunitajiet, b’mod li tħares u tagħti futur lis-snajja’ Maltin.
https://commerce.gov.mt/wp-content/uploads/2024/12/Strategy_MT.pdf