Il-pjattaformi tal-midja soċjali bidlu l-mod kif nikkomunikaw ma’ xulxin, niksbu l-informazzjoni u anki nesprimu ruħna ma’ ħaddieħor u lejn ħaddieħor.
Filwaqt li m’hemm ebda dubju li l-midja soċjali serviet t’għodda importanti u ħalliet effetti pożittivi, qed tiżdied evidenza li turi sfidi sinifkanti li jeħtieġu attenzjoni.
Hemm gruppi partikolari fis-soċjetà li jiffaċċjaw vulnerabbiltajiet partikolari fosthom it-tfal. Ir-riċerka tirreferi għall-użu eċċessiv tal-midja soċjali, b’impatt mifrux fuq is-saħħa mentali bħal livell għolja t’ansjetà kif ukoll l-iżolament u l-imġiba anti-soċjali.
Is-sistemi wżati minn ħafna min dawn il-pjattaformi bħall-algoritmi, iwasslu għal scrolling infinit u sigħat twal fuq dawn il-pjattaformi.
Gvernijiet madwar id-dinja qed jirrispondu għal dawn ir-realitajiet ġodda permezz ta’ qafas regolatorju. Kien hemm min irrestrinġa l-età ta’ dawk li jistgħu jaċċessaw dawn il-pjattaformi u oħrajn għadhom qed jiddiskutu l-kwistjoni.
Ir-regolamentazzjoni tal-aċċess għall-midja soċjali tista' tgħin ukoll fil-prevenzjoni t'abbuż sesswali fuq it-tfal.
L-Unjoni Ewropea wkoll qed tagħti importanza lil dan is-suġġett. Għalhekk huwa importanti ħafna li Malta ssegwi dawn l-iżviluppi. L-Att dwar is-servizzi diġitali tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi obbligi ġodda maħsuba biex iżidu l-kontabbiltà tal-pjattaformi u l-protezzjoni ta’ dawk li jużawhom. Taħt dan l-att kienu ppubblikat linji gwida dwar il-protezzjoni tal-minuri.
Ħolqa għad-dokument: https://reforms.gov.mt/wp-content/uploads/2025/12/GREEN-PAPER-RIFORMI-MLT.pdf