Konsultazzjoni Pubblika dwar l-Abbozz tar-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni u l-Liċenzjar għall-Professjoni tal-Kirurgi Veterinarji
L-abbozz tar-Regolamenti dwar il-Professjoni tal-Kirurgi Veterinarji (Reġistrazzjoni u Liċenzji), 2026 għandu l-għan li jtejjeb u jsaħħaħ il-qafas legali li jirregola l-professjoni veterinarja f’Malta. Ir-regolamenti jipproponu sistema komprensiva għar-reġistrazzjoni, il-liċenzjar u r-regolamentazzjoni tal-Kirurgi Veterinarji, filwaqt li jkomplu jsaħħu l-istandards professjonali, il-benesseri tal-annimali u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Dawn ir-regolamenti l-ġodda jiżguraw ukoll konformità mad-Direttivi u r-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw l-istandards tal-professjoni veterinarja, ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali u l-provvista ta’ servizzi fis-suq intern.
Skont il-proposta, kull persuna li tixtieq tipprattika bħala Kirurgu Veterinarju f’Malta trid tissodisfa rekwiżiti ċari, fosthom kwalifiki veterinarji rikonoxxuti, prova ta’ kondotta tajba, kapaċità fiżika u mentali adegwata, għarfien ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Malta u d-dritt legali li taħdem f’Malta. Ir-regolamenti jistabbilixxu wkoll proċess trasparenti għall-applikazzjonijiet, b’termini definiti li fihom il-Kunsill tal-Kirurgi Veterinarji għandu jikkonferma u jiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet. Fejn ikun hemm differenzi sostanzjali bejn il-kwalifiki tal-applikanti u l-istandards meħtieġa f’Malta, jistgħu jiġu imposti testijiet tal-kapaċità jew perjodi ta’ adattament sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-istandards meħtieġa.
Il-proposta tirregola wkoll il-provvista ta’ servizzi veterinarji temporanji jew okkażjonali minn Kirurgi Veterinarji stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea. Dawn ikunu jistgħu jipprattikaw permezz ta’ sistema ta’ dikjarazzjoni, akkumpanjata minn prova tal-kwalifiki professjonali u assigurazzjoni għar-responsabbiltà professjonali. Barra minn hekk, il-Kirurgi Veterinarji kollha reġistrati jkunu obbligati jżommu assigurazzjoni valida, josservaw il-Kodiċi ta’ Kondotta Professjonali, iżommu d-dettalji tagħhom aġġornati mal-Kunsill u jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ Żvilupp Professjonali Kontinwu. Gradwati ġodda jkunu wkoll meħtieġa jlestu Fażi ta’ Żvilupp Professjonali sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tagħhom lejn il-prattika professjonali.
Ir-regolamenti jipproteġu wkoll numru ta’ titoli professjonali, fosthom Kirurgu Veterinarju, Veterinarju u Vet, li jkunu jistgħu jintużaw biss minn professjonisti awtorizzati u reġistrati. Barra minn hekk, jiddefinixxu firxa wiesgħa ta’ attivitajiet veterinarji riżervati, inklużi eżamijiet kliniċi, dijanjosi, trattamenti, kirurġija, anestesija u proċeduri speċjalizzati oħra, li jistgħu jitwettqu biss minn Kirurgi Veterinarji awtorizzati. Fl-aħħar nett, il-proposta tistabbilixxi miżati għar-reġistrazzjoni u t-tiġdid, issaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ infurzar u tintroduċi penali amministrattivi u kriminali għal min jipprattika mingħajr awtorizzazzjoni, juża titoli protetti illegalment jew iwettaq attivitajiet riżervati mingħajr il-permessi meħtieġa. Fuq kollox dawn ir-regolamenti joffru bażi legali aktar b’saħħitha fuq il-liċenzjar tal-kirurgi veterinarji, jissalvagwardjaw il-professjoni u jiggarantixxu l-għola protezzjoni għas-saħħa tal-annimali u saħħa publika veterinarja f’ Malta.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jissottomettu l-kummenti tagħhom bil-miktub permezz tal-Formola ta' Konsultazzjoni Pubblika li tinsab hawn taħt.
L-Abbozz tar-Regolamenti jista’ jiġi aċċessat permezz tal-link li tinsab hawn taħt:
https://ikel.gov.mt/wp-content/uploads/2026/06/draft-LN-vet-surgeons-registration-warranting-MT.pdf