Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u t-tmexxija tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejħa “d-Direttiva Solvency II”) hija l-qafas regolatorju komprensiv tal-UE għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Fit-8 ta’ Jannar 2025, id-Direttiva (UE) 2025/2 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2024 li temenda d-Direttiva 2009/138/KE fir-rigward tal-proporzjonalità, il-kwalità tas-superviżjoni, ir-rappurtar, il-miżuri ta’ garanziji fit-tul, l-għodod makroprudenzjali, ir-riskji tas-sostenibbiltà u s-superviżjoni tal-gruppi li joperaw barra minn Malta, u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE u 2013/34/UE (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Direttiva li Temenda Solvency II”) ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.
Id-Direttiva li Temenda Solvency II introduċiet diversi bidliet li huma materjali għall-finijiet tas-superviżjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Fost id-diversi emendi introdotti, waħda mill-aktar sinifikanti tirrigwarda r-reġim imsaħħaħ ta’ proporzjonalità applikabbli għal dawn l-impriżi. Impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni awtorizzati li jissodisfaw il-kriterji kwantitattivi u kwalitattivi stabbiliti fid-Direttiva li Temenda Solvency II jistgħu, billi jissottomettu notifika lill-MFSA, jiksbu l-istatus ta’ “Impriża Żgħira u Mhux Kumplessa” (minn hawn ’il quddiem imsejħa “SNCU”). L-istatus SNCU jagħti d-dritt lil impriża awtorizzata tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tapplika sett predefinit ta’ miżuri ta’ proporzjonalità stabbiliti fid-Direttiva. Impriżi li ma jissodisfawx il-kriterji SNCU jistgħu xorta waħda jissottomettu applikazzjoni lill-MFSA sabiex jiksbu approvazzjoni speċifika għall-użu ta’ miżura waħda jew aktar ta’ proporzjonalità. Tali impriżi li japplikaw dawn il-miżuri jibbenefikaw, fost affarijiet oħra, minn frekwenza jew ambitu mnaqqas ta’ obbligi ta’ rappurtar, arranġamenti ta’ governanza ssimplifikati, u eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tal-awditjar li joħorġu mir-Rapport dwar is-Solvibbiltà u l-Kundizzjoni Finanzjarja (“SFCR”).
Filwaqt li d-Direttiva li Temenda Solvency II tfittex li tnaqqas il-piż regolatorju, hija għandha wkoll l-għan li ssaħħaħ l-integrazzjoni tar-riskji relatati mas-sostenibbiltà, mal-klima, mal-likwidità u mal-ESG fis-sistema ta’ governanza. Id-Direttiva tintroduċi wkoll miżuri biex issaħħaħ is-superviżjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jwettqu attivitajiet barra minn Malta taħt il-libertà li jipprovdu servizzi jew il-libertà ta’ stabbiliment. Filwaqt li tippreserva l-integrità tas-suq intern, id-Direttiva tfittex ukoll li tiżgura sorveljanza aktar effettiva tan-negozju li jseħħ barra minn Malta, u b’hekk tippromwovi protezzjoni konsistenti tal-konsumatur u kompetizzjoni ġusta madwar l-Unjoni. Ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mid-Direttiva għandhom jiġu trasposti fil-qafas leġiżlattiv lokali sal-29 ta’ Jannar 2027.
L-MFSA qed toħroġ l-ewwel dokument ta’ konsultazzjoni li primarjament se jindirizza kunċetti relatati ma’ kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni, l-aspettattivi tal-MFSA u informazzjoni dwar l-għażliet leġiżlattivi proposti biex jiġu adottati.
F’din il-konsultazzjoni, l-MFSA se tfittex feedback dwar il-prinċipji ewlenin li joħorġu mid-Direttiva li Temenda Solvency II, inkluż il-qafas il-ġdid ta’ proporzjonalità u l-proċess ta’ applikazzjoni propost.
Il-konsultazzjoni se tistabbilixxi wkoll l-aspettattivi superviżorji tal-MFSA bil-għan li tiffaċilita t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni effettiva u fil-ħin tal-qafas rivedut, u b’hekk tnaqqas ir-riskju ta’ kwalunkwe akkumulazzjoni ta’ applikazzjonijiet li jkunu għadhom qed jiġu evalwati.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-ewwel konsultazzjoni se tinkludi wkoll kwestjonarju qasir li permezz tiegħu l-impriżi se jintalbu jipprovdu indikazzjoni preliminari tal-approċċ intenzjonat tagħhom għall-qafas il-ġdid ta’ proporzjonalità. L-informazzjoni miġbura permezz ta’ dan il-kwestjonarju se tgħin lill-MFSA tantiċipa, sa fejn hu raġonevolment possibbli, il-volum mistenni ta’ applikazzjonijiet li għandhom jiġu sottomessi fil-bidu tal-2027. Se jkun hemm ukoll Anness addizzjonali li fih mistoqsijiet miftuħa maħsuba biex jistimulaw diskussjoni interna mal-funzjonijiet ewlenin, il-maniġment u l-Bord tad-Diretturi.