Sfond:
Il-Politika ta’ Aftercare għat-Tfal fil-Kura Alternattiva, żviluppata mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja, timmarka l-ewwel qafas nazzjonali formali ta’ Malta bl-għan li tiġi żgurata l-kontinwità tal-kura u l-appoġġ għaż-żgħażagħ hekk kif jagħmlu t-tranżizzjoni mill-kura alternattiva għal ħajja adulta indipendenti. Il-Politika tirrikonoxxi li din it-tranżizzjoni tirrappreżenta stadju kritiku fil-ħajja ta’ persuna żagħżugħa u tfittex li tiżgura li dawk li jitilqu mill-kura jingħataw l-appoġġ, il-gwida u l-opportunitajiet meħtieġa biex jiksbu aktar indipendenza, stabbiltà u inklużjoni soċjali.
L-iżvilupp tal-Politika ġie informat minn eżerċizzju estensiv ta’ riċerka u konsultazzjoni, inklużi kwestjonarji ddettaljati mqassma lid-djar kollha tal-kura alternattiva sabiex tinġabar informazzjoni dwar l-arranġamenti eżistenti tal-aftercare u jiġu identifikati l-isfidi li jiltaqgħu magħhom dawk li jitilqu mill-kura. Dan ġie kkomplementat minn laqgħat bilaterali mal-awtoritajiet rilevanti, avveniment ta’ qabel il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, u gruppi fokali ma’ adulti li telqu mill-kura u tfal residenti fil-kura alternattiva. Abbażi tas-sejbiet u r-rispons miġbur, il-Politika proposta tintroduċi Garanzija tal-Aftercare, li tipprovdi qafas ikkoordinat ta’ appoġġ għaż-żgħażagħ li jitilqu mill-kura alternattiva u għandha l-għan li ssaħħaħ u tkompli tiżviluppa s-servizzi eżistenti, filwaqt li tiżgura aktar konsistenza, aċċessibbiltà u reattività għall-ħtiġijiet individwali tagħhom.
Il-Politika tiffoka fuq l-oqsma li ġejjin:
Ippjanar u Tħejjija tal-Aftercare: Biex tissaħħaħ it-tħejjija bikrija u individwalizzata għat-tluq mill-kura, inklużi mentoraġġ u gwida xierqa, kif ukoll l-iżvilupp tal-ħiliet prattiċi u tal-ħajja meħtieġa għal ħajja adulta indipendenti.
Edukazzjoni u Impjieg: Biex jissaħħaħ l-aċċess għal edukazzjoni ulterjuri, taħriġ u opportunitajiet ta’ impjieg, u dawk li jitilqu mill-kura jiġu appoġġjati biex jiżviluppaw perkorsi sostenibbli lejn l-indipendenza finanzjarja.
Appoġġ Kontinwu tas-Saħħa: Biex jiġi żgurat aċċess kontinwu għal servizzi xierqa tas-saħħa, psikoloġiċi u ta’ konsulenza, filwaqt li tiġi promossa l-kontinwità tal-appoġġ matul it-tranżizzjoni mill-kura.
Appoġġ tar-Relazzjonijiet Familjali: Biex jiġu appoġġjati relazzjonijiet pożittivi mal-familja u mal-komunità, fejn xieraq u fl-aħjar interess tal-persuna żagħżugħa, filwaqt li dawk li jitilqu mill-kura jiġu megħjuna jiżviluppaw networks ta’ appoġġ sani u affidabbli.
Qafas ta’ Politika Abilitanti: Biex jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali usa’ li jappoġġja l-aftercare permezz ta’ koordinazzjoni mtejba, tisħiħ tal-kapaċità professjonali, sensibilizzazzjoni, riċerka, monitoraġġ u evalwazzjoni.
Il-pubbliku ġenerali huwa mistieden jibgħat il-kummenti tiegħu dwar Il-Politika ta' Aftercare għat-Tfal fil-Kura Alternattiva sat-30 t'Ottubru 2026.
Id-dokument tal-konsultazzjoni pubblika jista’ jiġi aċċessat mill-link t'hawn taħt:
https://familja.gov.mt/wp-content/uploads/2026/09/Politika_ta_Aftercare_ghat-Tfal_fil-Kura_Alternattiva-MT.pdf