Konsultazzjoni pubblika dwar il-Kwistjonijiet Sinifikanti b’rabta mal-Immaniġġjar tal-Ilma għar-raba’ Pjan ta’ Mmaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar ta’ Malta
L-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, nedew konsultazzjoni pubblika ta’ sitt xhur dwar il-Kwistjonijiet Sinifikanti b’rabta mal-Immaniġġjar tal-Ilma (SWMI, Significant Water Management Issues) għad-distrett tal-baċin tax-xmara ta’ Malta, stadju ewlieni fit-tħejjija tar-raba’ Pjan ta’ Mmaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar (2028-2033) skont id-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma.
Din il-konsultazzjoni se ssir skont ir-rekwiżiti f’Artikolu 14 tad-Direttiva, li jobbliga lill-Istati Membri jippubblikaw deskrizzjoni interim tal-kwistjonijiet sinifikanti tal-immaniġġjar tal-ilma għaċ-ċiklu l-ġdid tal-ippjanar.
Id-dokument jidentifika l-aktar pressjonijiet kritiċi li jaffettwaw l-ambjent tal-ilma ta’ Malta u se jiggwida l-iżvilupp tal-Programm ta’ Miżuri li għandu jiġi inkluż fil-Pjan ta’ Mmaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar li jmiss.
Kwistjonijiet sinifikanti tal-immaniġġjar tal-ilma
L-oqsma ta’ prijorità ġew identifikati permezz ta’ valutazzjoni inizjali li kellha l-għan li torbot il-pressjonijiet ewlenin mal-istat tar-riżorsi tal-ilma ta’ Malta. Dan il-proċess ġie infurmat ulterjorament minn konsultazzjoni dettaljata mal-ministeri tal-gvern, l-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati ewlenin, sabiex ġie żgurat approċċ ikkoordinat u bbażat fuq l-evidenza. Flimkien, dawn is-sejbiet jenfasizzaw l-isfidi ewlenin li jipprevjenu lill-korpi tal-ilma ta’ Malta milli jilħqu stat ekoloġiku u kimiku tajjeb.
Il-konsultazzjoni tiddeskrivi sitt kwistjonijiet ta’ prijorità:
1. L-immaniġġjar tal-użu tal-ilma ta’ taħt l-art, sabiex jiġu indirizzati l-estrazzjoni żejda u l-intrużjoni tal-ilma mielaħ;
2. Żieda fil-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma naturali, minħabba t-tibdil fil-klima u ż-żieda fid-domanda;
3. Impatti mill-ilma tax-xeba’ rurali u urban, fosthom l-għargħar u l-ġarr ta’ sustanzi niġġiesa;
4. Tniġġis minn sors punt minn skariki u infrastruttura identifikabbli;
5. Tniġġis diffuż, b’mod partikolari mill-agrikoltura u l-attivitajiet urbani; u
6. Il-ħtieġa li titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati.
Approċċ aktar immirat għaċ-ċiklu ta’ ppjanar li jmiss
Filwaqt li jibni fuq il-Pjanijiet ta’ Mmaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar preċedenti, ir-raba’ ċiklu jadotta approċċ aktar iffukat billi jipprijoritizza numru iżgħar ta’ kwistjonijiet ewlenin marbuta direttament mal-aktar pressjonijiet sinifikanti fuq il-korpi tal-ilma. Din il-bidla hija maħsuba biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ miżuri aktar immirati u effettivi. Tqis ukoll ir-rieżami tal-Kummissjoni Ewropea tat-tielet Pjan ta’ Mmaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar ta’ Malta.
Parteċipazzjoni pubblika
Il-kummenti tal-pubbliku u tal-partijiet ikkonċernati huma parti ċentrali tal-proċess tal-Ippjanar tal-Immaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar. Din il-konsultazzjoni se tibqa’ miftuħa għal sitt xhur, li matulhom ir-rispons se jintuża biex jiġu rfinuti l-prijoritajiet u jiġu infurmati l-istadji li jmiss tal-pjan. Id-dokument jinstab fuq https://energywateragency.gov.mt/launch-of-public-consultation-on-the-significant-water-management-issues-for-maltas-4th-river-basin-management-plan-2/
Il-passi li jmiss
Ir-rispons li gie rċevut, se jiġi analizzat u inkorporat fl-abbozzar tal-Pjan ta’ Mmaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar, li se jkun is-suġġett ta’ konsultazzjoni ulterjuri qabel ma jiġi ffinalizzat. Il-pjan finali mistenni jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea sa Marzu 2028.
L-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi jħeġġu lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jipparteċipaw billi jagħtu l-kontribut tagħhom għat-tfassil tal-istrateġija ta’ Malta dwar l-immaniġġjar tal-ilma għas-snin li ġejjin.