No

Brexit

​​Wara r-riżultat tar-referendum dwar il-ħruġ mill-Unjoni Ewropea fl-2016, ir-Renju Unit ħareġ uffiċjalment mill-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Frar 2020 wara li ż-żewġ partijiet kkonkludew il-ftehim tat-tluq. Dan il-ftehim ippermetta li jkun hemm tluq b'mod ordnat, permezz ta' kapitli fuq drittijiet taċ-ċittadini, saldu finanzjarju, kwistjonijiet marbuta mas-seperazzjoni u l-protokoll dwar l-Irlanda ta' fuq.

Il-ftehim tat-tluq inkluda fih ukoll perjodu tranżitorju li ta ċ-ċans lill-gvernijiet, lill-intrapriżi u liċ-ċittadini sabiex jippreparaw għat-tibdil li kien mistenni mill-1 ta' Jannar 2021. Matul il-ħdax (11)-il xahar tal-perjodu tranżitorju, għalkemm formalment ir-Renju Unit ma kienx għadu Stat Membru, xorta waħda kien għadu marbut bil-liġijiet tal-Unjoni Ewropea. Dan il-perjodu tranżitorju serva wkoll sabiex iż-żewġ partijiet jinnegozjaw it-termini li ser jiddettaw ir-relazzjoni futura ta' bejniethom. F'dan ir-rigward, fl-24 ta' Diċembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju Unit qablu fil-prinċipju fuq:

  1. Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;
  2. Ftehim dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata; u
  3. Ftehim għall-kooperazzjoni dwar l-użi sikuri u paċifiċi tal-enerġija nukleari.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, flimkien mal-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson iffirmaw il-ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni fit-30 ta' Diċembru 2020. Il-Parlament Ingliż formalment irratifikata dan il-ftehim aktar kmieni fl-istess ġurnata.

Peress li n-negozjati ġew finalizzati ftit jiem biss qabel l-iskadenza tal-perjodu tranżitorju, il-Kunsill adotta deċiżjoni li għamlitha possibbli li dan il-ftehim jibda japplika b'mod proviżorju mill-1 ta' Jannar 2021. Dan ma jneħħix id-dritt tal-Parlament Ewropew u tal-Parlamenti Nazzjonali sabiex jiskrutinizzaw il-ftehim, liema proċess għandu jiġi finalizzat sat-28 ta' Frar 2021.

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi arranġamenti preferenzjali f'oqsma bħall-kummerċ fi prodotti u servizzi, il-kummerċ diġitali, il-proprjetà intellettwali, l-akkwist pubbliku, l-avjazzjoni u t-trasport bit-triq, l-enerġija, is-sajd, il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, kooperazzjoni tematika u l-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni. Il-ftehim fih proviżjonijiet li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi u r-rispett għad-drittijiet fundamentali. Filwaqt li bl-ebda mod mhu se jilħaq il-livell ta' integrazzjoni ekonomika li kien jeżisti waqt li r-Renju Unit kien Stat Membru, il-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni jmur lil hinn mill-ftehimiet tradizzjonali ta' kummerċ ħieles u jipprovdi bażi soda għall-preservazzjoni tal-ħbiberija u l-kooperazzjoni dejjiema bejn iż-żewġ naħat.

Dawn huma l-punti ewlenin tal-ftehim:

  • Il-Ftehim jistipula li ma jkun hemm l-ebda tariffi u kwoti fuq l-oġġetti kollha li jikkonformaw mar-regoli xierqa tal-oriġini.
  • Iż-żewġ partijiet impenjaw ruħhom li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi b'saħħithom billi jżommu livelli għoljin ta' protezzjoni, f'oqsma bħall-protezzjoni ambjentali, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ipprezzar tal-karbonju, id-drittijiet soċjali u tax-xogħol, it-trasparenza fiskali u l-għajnuna mill-Istat, b'infurzar effettiv u domestiku, mekkaniżmu vinkolanti għas-soluzzjoni tat-tilwim u l-possibbiltà għaż-żewġ partijiet li jieħdu miżuri ta' rimedju.
  • Iż-żewġ partijiet qablu dwar qafas ġdid għall-ġestjoni konġunta tal-istokkijiet tal-ħut fl-ilmijiet tal-UE u tar-Renju Unit. Ir-Renju Unit se jkun jista' jiżviluppa aktar l-attivitajiet tas-sajd Brittaniċi, filwaqt li l-attivitajiet u l-għajxien tal-komunitajiet tas-sajd Ewropej se jkunu salvagwardjati, u r-riżorsi naturali se jiġu ppreservati.
  • Dwar it-trasport, il-ftehim jassigura konnettività kontinwa u sostenibbli bl-ajru, bit-triq, bil-ferrovija u bil-baħar, għalkemm l-aċċess għas-suq mhuwiex kumparabbli ma' dak li joffri s-Suq Uniku. Il-ftehim jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw li l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit isseħħ f'kundizzjonijiet ugwali, sabiex id-drittijiet tal-passiġġieri, id-drittijiet tal-ħaddiema u s-sikurezza tat-trasport ma jiġux imminati.
  • Dwar l-enerġija, il-ftehim jipprovdi mudell ġdid għall-kummerċ u l-interkonnettività, b'garanziji għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta, inkluż dwar standards ta' sikurezza għal barra mill-kosta, u l-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli.
  • Dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, il-ftehim għandu l-għan li jiżgura għadd ta' drittijiet taċ-ċittadini taż-żewġ partijiet. Dan jikkonċerna liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jaħdmu, jivvjaġġaw jew imorru lejn ir-Renju Unit, u lejn ċittadini tar-Renju Unit li jaħdmu, jivvjaġġaw jew jiċċaqilqu lejn l-Unjoni Ewropea wara l-1 ta' Jannar 2021.
  • Fl-aħħar nett, il-ftehim jippermetti l-parteċipazzjoni kontinwa tar-Renju Unit f'għadd ta' programmi ewlenin tal-UE għall-perjodu 2021-2027 (soġġett għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Renju Unit għall-baġit tal-UE), bħalma huwa l-programm Horizon Europe.

Il-politika barranija, is-sigurtà esterna u l-kooperazzjoni fid-difiża mhumiex koperti mill-Ftehim peress li r-Renju Unit ma riedx jinnegozja dwar dawn l-oqsma. Mill-1 ta' Jannar 2021, għalhekk mhux se jkun hemm fis-seħħ qafas bejn biex iż-żewġ partijiet jiżviluppaw u jikkoordinaw reazzjonijiet konġunti għall-isfidi tal-politika barranija, pereżempju l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fuq ċittadini jew ekonomiji ta' pajjiżi terzi.

Barra minn hekk, il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ma jkopri l-ebda deċiżjoni relatata mal-ekwivalenzi għas-servizzi finanzjarji, l-adegwatezza tar-reġim tal-protezzjoni tad-dejta tar-Renju Unit, jew il-valutazzjoni tar-reġim sanitarju u fitosanitarju tar-Renju Unit bl-għan li jiġi elenkat bħala pajjiż terz permess jesporta prodotti tal-ikel lejn l-Unjoni.

Il-Ftehim ta' Kooperazzjoni Nukleari jipprovdi għal kooperazzjoni fuq firxa wiesgħa dwar l-użu sikur u paċifiku tal-enerġija nukleari, imsejsa fuq impenji kemm mill-Euratom kif ukoll mir-Renju Unit sabiex jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali ta' nonproliferazzjoni u jżommu livell għoli ta' standards ta' sikurezza nukleari.

Il-Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni ser jippermetti skambju ta' informazzjoni klassifikata bejn iż-żewġ partijiet, billi japplikaw garanziji b'saħħithom dwar it-trattament u l-protezzjoni tal-istess informazzjoni.

___________________________________________________________________________________________​

Filwaqt li l-Gvern Malti jilqa' dawn il-ftehimiet u jħares 'il quddiem għall-implimentazzjoni sħiħa tagħhom, jirrikonoxxi wkoll li dan bl-ebda mod ma jfisser li ma nbidel xejn mis-sitwazzjoni preċedenti. Hemm diversi bidliet li kienu inevitabbli minħabba li r-Renju Unit m'għadux jifforma parti mill-Unjoni Ewropea, u b'estensjoni, is-Suq Uniku u l-Unjoni Doganali tagħha. L-effetti ta' din is-separazzjoni jinħassu kważi fuq kull settur.

Il-Gvern jibqa' grat għall-impenn kontinwu mal-partijiet interessati u l-korpi kostitwiti u se jkompli jaħdem magħhom mill-qrib biex jintlaħqu l-objettivi kondiviżi, biex jiżgura li tingħata l-assistenza kollha meħtieġa lin-negozji u liċ-ċittadini sabiex jittaffa l-impatt fuqhom u jadattaw.

Minbarra l-ftehimiet il-ġodda, ta' min jinnota wkoll li l-Ftehim tal-Irtirar (Withdrawal Agreement) għadu japplika. B'mod partikolari, dan il-Ftehim fih għadd ta' dispożizzjonijiet importanti li jissalvagwardjaw id-drittijiet taċ-ċittadini li jaqgħu fl-ambitu tiegħu. F'dan ir-rigward, huwa ferm importanti li ċ-ċittadini li diġà kienu qed jgħixu fit-territorju tal-parti l-oħra sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet tagħhom.

___________________________________________________________________________________________ 

Kuntatt:

Brexit Helpline: 153

Indirizz elettroniku: [email protected]

Paġna tal-Midja Soċjali: Brexit – Be Prepared

___________________________________________________________________________________________
 

Siti elettroniċi utli:

Ġenerali

Pjan ta' Azzjoni għat-Tħejjija tal-Gvern Malti: https://www.gov.mt/en/Documents/Brexit%20-%20Government%20Readiness%20Action%20Plan%20WEB%20SINGLE%20PAGES.pdf

Is-sit tal-Kummissjoni Ewropea: Il-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit

https://ec.europa.eu/info/relations-united-kingdom/eu-uk-trade-and-cooperation-agreement_en

Avviżi tal-Partijiet Interessati Settorali:

https://ec.europa.eu/info/european-union-and-united-kingdom-forging-new-partnership/future-partnership/getting-ready-end-transition-period_en

 

Ftehimiet

Ftehim tat-tluq:

https://ec.europa.eu/info/relations-united-kingdom/eu-uk-withdrawal-agreement_en

Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni:

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.L_.2020.444.01.0014.01.ENG

Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni:

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.L_.2020.444.01.1463.01.ENG

Ftehim għall-kooperazzjoni dwar l-użu sikur u paċifiku tal-enerġija nukleari:

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.L_.2020.445.01.0005.01.ENG

 

Ċittadini Maltin fir-Renju Unit:

Għal aktar informazzjoni fuq id-drittijiet ta' ċittadini tal-Unjoni Ewropea:

https://eeas.europa.eu/delegations/united-kingdom_en  

https://www.eurights.uk/  

Biex tapplika għall-Iskema ta' Saldu tal-UE (EU Settlement Scheme):

https://www.gov.uk/settled-status-eu-citizens-families/what-settled-and-presettled-status-means  

Informazzjoni għas-sidien ta' negozji fir-Renju Unit:

https://www.gov.uk/transition?utm_campaign=transition_p3g&utm_medium=cpc&utm_source=seg&utm_content=ala_act0&gclid=CI6LwvbyxewCFZFOGwod064Ppw

Informazzjoni dwar is-Sistema tal-Immigrazzjoni tar-Renju Unit:​

https://www.gov.uk/guidance/the-uks-points-based-immigration-system-information-for-eu-citizens.mt

https://www.gov.uk/apply-to-come-to-the-uk

 

Ċittadini tar-Renju Unit f'Malta:               

https://identitymalta.com/uk-nationals-residence-status-following-brexit/

 

Dipartiment tad-Dwana:

https://customs.gov.mt/brexit/what-does-brexit​-mean-for-my-business-​

https://customs.gov.mt/brexit/notices​-by-the-customs-department

 

Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta:

https://www.mfsa.mt/publications/circulars/brexit/​